Filwaqt li għamlet referenza għall-protesti fil-Georgia, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew jappoġġja l-poplu tal-Georgia u li l-bieb tal-Ewropa jibqa' miftuħ.
Il-Parlament Ewropew jesprimi solidarjetà lill-poplu tal-Georgia, li issa ilu ħmistax jinżel fit-toroq ta’ Tbilisi u tal-pajjiż kollu jitlob, b’mod paċifiku u b’passjoni, futur Ewropew. Id-dimostranti jtajru l-bandiera tal-UE hekk kif il-kanuni tal-ilma jisparaw litri ta’ ilma fuqhom.
Lill-poplu tal-Georgia: qed narawkom, qed nisimgħukom u nieqfu magħkom.
Dan il-Parlament jikkundanna b’mod sod ir-repressjoni tal-oppożizzjoni tal-Georgia, u l-użu tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi. Dan l-aġir huwa inkompatibbli mal-mixja tal-Georgia lejn l-UE. Nitolbu li tittieħed azzjoni deċiżiva, inklużi sanzjonijiet fil-konfront ta’ dawk responsabbli mill-ksur, u nħeġġu lis-27 Stat Membru kollha jingħaqdu u jilħqu qbil dwar dawn il-miżuri.
Stedinna lill-President Salomé Zourabichvili tiġi fil-Parlament Ewropew. Ninsabu f’diskussjonijiet magħha biex naraw kif dan nagħmluh bl-aħjar mod, f’liema forma jista’ jsir.
Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-kollegi tagħna, Sergey Lagodinsky, Rasa Juknevičienė, Nathalie Loiseau, Michał Szczerba, Tobias Cremer, Reinier Van Lanschot u Bernard Guetta, li l-ġimgħa l-oħra marru f’missjoni fil-Georgia u raw b’għajnejhom stess is-sitwazzjoni fil-pajjiż. Nirringrazzjakom talli rrappreżentajtuna.
Flimkien, nieqfu mal-Georgia fit-triq tagħha lejn l-Ewropa. Il-bibien tagħna se jibqgħu miftuħin dejjem.