Il-Parlament Ewropew hu viċin il-Verkhovna Rada 

 

L-Ewropa qegħda mal-Ukrajna. Il-Parlament Ewropew hu viċin il-Verkhovna Rada. L-Ukrajna hi l-Ewropa. Dan kien il-messaġġ tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, waqt li laqgħet lill-iSpeaker tal-Verkhovna Rada Ruslan Stefanchuk għas-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mal-President tal-Verkhovna Rada Ruslan Stefanchuk

Għeżież kollegi,

Għandna magħna llum il-President tal-Verkhovna Rada u l-ħabib kbir tiegħi, Ruslan Stefanchuk.

Ruslan, naf kemm hu diffiċli tħalli l-Ukrajna bħalissa u naf kemm hu importanti għalina li inti tkun hawn illum. 

Li nilqgħuk hawn fi Strażburgu, xahrejn wara li ltqajna fi Kiev, jikkonferma r-rabta qawwija u unika bejn il-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada. 

Il-ġlieda tagħkom għal-libertà, għad-demokrazija, għall-valuri li jgħaqqduna bħala Ewropej, hija l-ġlieda tagħna. Dak li kellha ssofri l-Ukrajna kien inkonċepibbli ftit xhur ilu, iżda l-poplu tiegħek ispira lid-dinja. Il-kuraġġ tiegħek, id-determinazzjoni tiegħek u l-isfida tiegħek f'isem il-libertà se jitkellmu dwarhom għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. 

L-Ewropa tieqaf mal-Ukrajna. Il-Parlament jieqaf mar-Rada. L-Ewropej fetħu l-fruntieri tagħhom, djarhom u qalbhom għal 6 miljun Ukren imġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom. Bgħatna appoġġ militari, finanzjarju, politiku u umanitarju. U se nkomplu. 

Ma nistgħux nitilfu r-ritmu. Ma nistgħux nitilfu l-attenzjoni tagħna. Ma nistgħux nitbiegħdu u nħallu l-għeja tal-gwerra tidħol. 

Għażiż Ruslan, meta ngħidu li l-Parlament Ewropew jieqaf magħkom, dan huwa messaġġ li jġorr responsabbiltà enormi għalina. Irridu nassigurawk li se nkomplu nappoġġjawkom bi kwalunkwe għajnuna meħtieġa biex jitpatta għall-konsegwenzi tal-invażjoni Russa. 

U se nippruvaw ngħinu biex immexxu 'l quddiem il-paċi. Paċi reali. Fl-Ewropa, nifhmu bilfors b'niket kbir li l-paċi mingħajr libertà, il-paċi mingħajr ġustizzja, mhi paċi xejn. 

Il-Parlament Ewropew se jkompli wkoll jappoġġjakom b'mod attiv hekk kif tapplikaw għall-istatus ta' kandidat tal-UE. Nafu kemm huwa importanti li jintbagħat sinjal ċar li l-post tal-Ukrajna jinsab fi ħdan il-familja Ewropea tagħna. Li ngħidu lil kulħadd li l-Ukrajna hija l-Ewropa.  

Jeħtieġ ukoll li nibdew diskussjoni xierqa dwar l-irkupru u l-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Kif għidt fi Kiev – se ngħinu biex nibnu mill-ġdid kull belt sew kbira jew żgħira minn Mariupol sa Iprin, minn Kherson sa Kharkiv.  U se nżommu lill-kriminali tal-gwerra responsabbli.  

Grazzi, għażiż Ruslan, għall-isforzi tal-Verkhovna Rada u għall-impenn personali tiegħek biex tiġi sostnuta viżjoni ta' futur Ewropew għal pajjiżek minkejja d-diffikultajiet kollha. 

Għażiż President, għażiż Ruslan, nagħtik il-kelma. Slava Ukraini.