Waqt li laqgħet lill-Ambaxxatriċi tal-UNHCR Goodwill Cate Blanchett fil-Parlament Ewropew, il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jkompli jmexxi d-dibattitu biex tinstab triq 'il quddiem dwar il-migrazzjoni.
Għeżież kollegi,
Magħna llum għandna lill-Ambaxxatriċi ta’ rieda tajba tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, Cate Blanchett. Merħba fil-Parlament Ewropew.
Cate Blanchett ilha s-snin attivista ddedikata f’dawk li huma kwistjonijiet umanitarji. Lil Cate nafuha għall-attiviżmu tagħha kif ukoll għax-xogħol tagħha fiċ-ċinema.
Huwa pjaċir tagħna li tista’ tkun hawn magħna llum f’mument meta dak li qiegħed jiġri fid-dinja jhedded aktar ħajjiet u jġiegħel lil aktar nies jaħarbu. Kważi 8 snin ilu inti kont għedt li: “Qatt ma kien hemm żmien daqshekk kruċjali biex niddefendu lir-rifuġjati u nuru solidarjetà.”
Sfortunatament, dak li għedt dakinhar, nistgħu ntennuh illum. Xahar ilu biss, fil-Parlament Ewropew, fakkarna l-10 snin min-nawfraġju ta’ Lampedusa li ħalla warajh aktar minn 360 vittma. Dik it-traġedja tal-2013 altru li ma kinitx katastrofi ta’ darba. Minn dak iż-żmien ’l hawn, iċ-ċimiterju tal-Mediterran ħasad ħajjet eluf ta’ nisa, tfal u rġiel oħra.
Jiena kburija li din l-istituzzjoni mexxiet id-dibattitu fuq livell Ewropew biex insibu soluzzjoni li tindirizza din l-isfida tal-ġenerazzjoni tagħna u ninsab fiduċjuża li se naslu għal qbil dwar Patt ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għall-Ewropa qabel ma tiġi fi tmiemha din il-leġiżlatura.
L-impenn ta’ dan il-Parlament fir-rigward ta’ dawn l-isfidi jibqa’ sod. Għal dawk kollha li tilfu ħajjithom, għall-vittmi kollha sfruttati mit-traffikanti, għal dawk il-familji kollha li qatt mhuma se jerġgħu jingħaqdu. M’aħniex se ninsewhom.
Sa Blanchett, grati lejk talli ssemma leħnek biex tattira attenzjoni akbar lejn il-qagħda mwiegħra ta’ tant nies fid-dinja kollha.
Nagħtik il-kelma.