Il-kultura Sami hija parti integrali mill-ġid kulturali tal-Ewropa 

 

Fil-ftuħ tas-Sámi Summit li sar fil-Parlament Ewropew fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza tad-djalogu. "Ħafna deċiżjonijiet li għandhom il-potenzjal li jaffettwaw il-ħajja tan-nies Sami jibdew eżatt minn hawn, fl-Istituzzjonijiet Ewropej."

Prim Ministru,
Kummissarju,
Mistednin distinti.
Poplu Sámi, ħbieb,

Huwa ta’ pjaċir kbir li nilqa’ l-poplu Sámi, poplu tant kburi, fil-Parlament Ewropew.

Huwa tabilħaqq xieraq li r-raba’ Summit tal-Poplu Sámi Indiġenu Ewro-Artiku ta’ Barents għandu jsir hawnhekk, f’Dar id-Demokrazija Ewropea. Din id-dar hija darkom ukoll.

Qegħdin hawn għalikom, biex nisimgħukom u nisimgħu t-tħassib tagħkom. Intom poplu indiġenu tal-Unjoni tagħna. Il-Parlament Ewropew se jismagħkom dejjem.

Fl-2017, il-Premju Ċinematografiku LUX ingħata lill-film “Sámi blood”. Il-film jirrakkonta l-istorja iebsa tal-assimilazzjoni Sámi furzata fil-bidu tas-seklu li għadda. Għalhekk kien tassew xieraq li l-Parlament Ewropew jitfa’ dawl fuq dan il-kapitlu ikrah tal-istorja Sámi tagħkom, jiġifieri xerrduh mad-dinja kollha.

L-istorja tal-Ewropa għaddiet minn ħafna problemi u traġedji. Iżda għexna wkoll ħafna eżempji ta’ solidarjetà u empatija. Solidarjetà bbażata fuq valuri komuni ta’ dinjità u rispett għad-diversità.

Il-kultura Sámi hija parti integrali mir-rikkezza kulturali tal-Ewropa. Il-ħtieġa li titħares id-diversità kulturali tinsab fil-qalba tat-Trattati Ewropej tagħna.

Il-poplu Sámi jgawdi minn tradizzjonijiet uniċi, lingwi uniċi, u stil ta’ ħajja bbażat fuq ir-rispett u l-koeżistenza paċifika man-natura. Valuri li jridu dejjem jiġu ċċelebrati u apprezzati.

Huwa għalhekk li l-Membri ta’ din il-Kamra huma impenjati favur l-interessi tagħkom fl-ambitu tal-Konferenza Parlamentari ta’ Barents u fora oħra ta’ kooperazzjoni tat-Tramuntana.

Ħafna deċiżjonijiet li għandhom il-potenzjal li jaffettwaw ħajjet il-poplu Sámi jibdew proprju hawn: fl-istituzzjonijiet Ewropej. U huwa għalhekk li d-djalogu tagħna huwa importanti, mhux biss illum iżda dejjem.

Il-Parlament Ewropew jappoġġja programmi li jgħinu biex il-poplu Sámi jingħata s-setgħa li jsemma’ leħnu fl-aktar stadju bikri tal-proċess leġiżlattiv, bħal fil-programm Interreg Nord li witta t-triq għal Strateġija UE-Sámi ambizzjuża.

L-aktar kwistjoni kritika hija kif it-tibdil fil-klima jaffettwa b’mod sproporzjonat lill-Artiku u għalhekk lill-poplu Sámi.

Il-Parlament Ewropew huwa l-mutur ta’ politika avangardista dwar il-klima, iżda jeħtiġilna naġixxu saħansitra aktar malajr, kontra emerġenza klimatika reali.

Jeħtiġilna nagħtu lilna nfusna l-mezzi biex nilħqu l-objettivi tagħna tal-Patt Ekoloġiku u nżidu s-salvagwardji tagħna kontra atturi malizzjużi li jippruvaw jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tagħna, kif rajna bir-rikatt tal-enerġija tar-Russja s-sena l-oħra.

Il-proġetti kollha marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika fir-reġjuni tat-Tramuntana estrema tal-Ewropa jridu jiġu żviluppati id f’id man-nies tal-post. Il-Parlament Ewropew jinsisti fuq dan l-aspett.
Jeħtiġilna nirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali. Dan huwa importanti ħafna. Il-Parlament Ewropew jieħu l-isfidi tal-poplu Sámi b’serjetà kbira.

Fl-24 ta’ Frar tas-sena l-oħra, beda kapitlu ikrah tal-istorja komuni tagħna. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ir-Russja ħarrxet l-attakk inġustifikabbli tagħha fuq l-Ukrajna għal invażjoni fuq skala sħiħa, li kellu impatt ukoll fuq il-prospettivi tas-sigurtà fl-Artiku.

Madankollu, il-gwerra għadha għaddejja. L-Ukreni qed jagħtu ħajjithom, biex iżommu d-dinjità tagħhom u l-futur tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Se nkomplu nappoġġjawhom.

Nixtieq infaħħar lir-rappreżentanti tal-Kunsill Sámi talli ssospendew ir-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet Sámi Russi b’reazzjoni għal din il-gwerra brutali.

Nimmaġina li ma kienx faċli għalikom li taqtgħu rabtiet li ilhom għexieren ta’ snin ma’ ħutkom Sámi oħrajn. Min-naħa l-oħra, din kienet ħaġa tajba.

Ilkoll nafu li ħafna Russi waqqfu l-appoġġ tagħhom għall-azzjonijiet tar-reġim tagħhom ukoll.

Minkejja t-traġedja, il-mod demokratiku tagħna jagħtina s-setgħa li nkomplu niġġieldu għall-futur li rridu għalina nfusna u għal uliedna.

Nixtieq nirringrazzja lill-Parlament Sámi fil-Finlandja u lill-Presidenza tal-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents għall-inizjattiva li jorganizzaw dan is-Summit fi Brussell.
 
Li nitkellmu ma’ xulxin iwassal għal fehim akbar u għal riżultati dejjiema.

Nittama li l-jumejn li għandkom quddiemkom jagħtu l-frott sabiex l-Unjoni Ewropea tista’ tkompli verament tkun “Magħquda fid-Diversità”.

Grazzi.