Is-sitwazzjoni f'Iżrael, Gaża u l-Lvant Nofsani hija h tat-tħassib  

 

Is-sitwazzjoni f'Iżrael, Gaża u l-Lvant Nofsani hija h tat-tħassib  

Strasburgu  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew wara ż-żjara tagħha fl-Iżrael.

       

Għeżież kollegi, 

Is-sitwazzjoni f’Iżrael, f’Gaża u fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun ta’ madwaru hija t-tħassib prijoritarju tagħna. Ir-realtà fuq il-post hija orribbli, traġika u ta’ disprament. Hemm involuti ħajjiet innoċenti. 

Fis-7 ta’ Ottubru, id-dinja stenbħet bl-agħar attakk terroristiku jitwettaq fuq familji f’Iżrael f’ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-Ħamas wettaq qtil tal-massa, ħtif ta’ persuni, stupri, tortura, mutilazzjonijiet u pprofana lill-mejtin. 
 
M’hemm l-ebda skuża għal dawn l-atti. Jiena kburija li dan il-Parlament laqqa’ lil kulħadd fl-Esplanade tagħna biex juri solidarjetà mal-vittmi u biex jenfasizza li l-Ħamas huwa grupp terroristiku li ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan – anzi, ifixkilhom – u dan il-grupp terroristiku jeħtieġ jitwaqqaf. Din hija distinzjoni li dejjem għamilna u jeħtiġilna nkomplu nisħqu fuqha. 

Il-Ġimgħa li għadda, wara li tkellimt mal-gruppi politiċi kollha, bħala President tal-Parlament, mort Iżrael fuq stedina tal-Knesset biex nesprimi s-solidarjetà tagħna, biex intenni ċ-ċaħda tagħna tat-terroriżmu, biex inżur is-siti tal-atroċitajiet, biex inħeġġeġ il-ħelsien ta’ kważi 200 ostaġġ, biex niltaqa’ mas-superstiti u biex nissottolinja li l-mod kif Iżrael se jirreaġixxi għal dawn l-attakki, se jaffettwa lilna lkoll. Biex nenfasizza li jeħtiġilna nkomplu nfittxu soluzzjonijiet għall-konsegwenzi umanitarji f’Gaża f’konformità mal-obbligi tagħna u mad-dritt internazzjonali. Kien messaġġ li għamilt u se nibqa’ nagħmel. Jiena kburija li dan il-Parlament kien fuq quddiem nett f’din il-kwistjoni u naf li se nkomplu nagħmlu dak li nistgħu biex intaffu t-tbatija tal-innoċenti.

Iż-żjara kienet iebsa – waħda mill-aktar affarijiet diffiċli li qatt kelli nagħmel bħala President – iżda kienet importanti, anke jekk l-orrur li rajt b’għajnejja fil-kibbutz fi Kfar Azza u fil-festival tal-mużika ta’ Re’im se jibqa’ stampat f’moħħi għal għomri u f’moħħ kull min ra l-bassezzi inkomprensibbli u mhux skużabbli li fihom waqa’ l-bniedem. 

Anke fl-aktar żminijiet koroh, il-Parlament tagħna dejjem insista u dejjem se jibqa’ jinsisti għal soluzzjoni taż-żewġ Stati li tkun ekwa u ġusta. Aħna dejjem se nistinkaw għal paċi sostenibbli u dejjiema. Dan għedtu fil-Knesset u f’Ramallah meta żort lill-President Abbas is-sena l-oħra u ta’ min nirrepetih issa. Sfortunatament, l-azzjonijiet vili tat-terroristi tal-Ħamas wasslu biex biegħdu aktar din il-prospettiva. 

Illum, is-sitwazzjoni f’Gaża għadha impossibbli għal tant nies.
L-enfasi tagħna trid tibqa’ fuq il-fatt li jiġi żgurat li l-ostaġġi maħtufa jinħelsu mingħajr kundizzjonijiet, li l-għajnuna umanitarja tilħaq lil dawk fil-bżonn, li ċ-ċivili ma jkunux fil-mira, li jinżammu l-kurituri sikuri, u li nkomplu niddjalogaw mar-rappreżentanti leġittimi tal-poplu Palestinjan u mal-atturi reġjonali biex innaqqsu t-tensjonijiet fir-reġjun u ż-żoni tal-madwar. 

Għada se jiltaqa’ Kunsill Ewropew straordinarju u din il-Kamra se tiddiskuti din il-kwistjoni nhar l-Erbgħa. Naf li dan il-Parlament, u lkoll kemm intom, se nibqgħu nagħmlu dak kollu li nistgħu. 

Grazzi.