Is-saħħa vera tal-UE hi fit-trasformazzjoni tal-pajjiżi u l-ħajjiet 

 

Il-proġett ta' paċi ispira u wassal għal bidliet li ħafna ħasbu li kienu impossibli. L-Ewropa hi tama. Tama fil-futur. Tama li naraw il-libertajiet jissaħħu. Tama li nimxu 'l quddiem u li nwasslu għall-bidla. Dan kien il-messaġġ tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt li ndirizzat il-Konferenza Jacques Delors f'Pariġi dwar 'Valuri demokratiċi fl-UE u l-wegħda ta' paċi li hi fil-qofol tlal-integrazzjoni Ewropea."


© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza l-Konferenza Jacques Delors f'Pariġi 

It-tema tal-lum ilha tiġi diskussa għal diversi għexieren ta' snin. L-Istitut Jacques Delors żvolġa rwol ċentrali fl-evoluzzjoni ta' dan id-dibattitu. Il-kontributi tiegħu kienu msejsa fuq ix-xogħol ta' esperti u żiedu perspettivi supplimentari għall-kunċett rikk u kumpless ta' dak li llum insejħu l-"istil ta' ħajja Ewropew".

U minkejja dan, minn meta bdiet l-invażjoni ta' Putin fl-Ukrajna fl-24 ta' Frar, id-dibattitu ħa bixra għalkollox differenti.

Ninsab hawn quddiemkom nirrappreżenta l-aħħar ġenerazzjoni fl-Unjoni Ewropea li tiftakar fuq fuq f'dinja li fiha d-demokrazija kienet mhedda b'mod kostanti. Kull min hu iżgħar minni jaf biss il-paċi.

Il-gwerra ta' Putin fl-Ukrajna serviet ta' twissija għall-falliment tal-memorja kollettiva tagħna. Tant konna komdi nikbru bl-idea ta' Ewropa libera u demokratika li nsejna li hemm xi wħud – anki mal-fruntieri tagħna – li jaħsbu li d-demokrazija ma għandu jkollha l-ebda futur.

Il-ġudizzju kollettiv tagħna – bħala risposta għall-interdipendenza dejjem tikber bejn in-nazzjonijiet tad-dinja, sew jekk relatata mal-ekonomiji tagħna, mal-ambizzjonijiet klimatiċi tagħna jew anki mal-forniment tal-provvisti ta' enerġija – iddallam bl-inġenwità. Inġenwità li ġegħlitna nemmnu li l-mod kif l-Ewropa tmexxi l-affarijiet bid-djalogu u bl-iskambji kien se jiġi adottat spontanjament mill-ġirien ostili tagħna. 

Is-sinjali ta' twissija kienu hemm. Il-pajjiżi Baltiċi, il-Finlandja u l-Polonja ilhom iwissuna snin sħaħ. Rajna r-rigress tad-demokrazija fir-Russja, l-attakki ibridi fuq il-proċessi demokratiċi tagħna, dak li ġara fil-Krimea, dak li għamlu lil Navalny, kif ippruvaw ikissru d-demokrazija fil-Belarussja u, madankollu, meta l-ideoloġija reviżjonista ta' Putin ġiet imwettqa mill-armata tiegħu, xorta bqajna nissorprendu ruħna.

Ma missniex issorprendejna ruħna.

L-Ukrajna u l-poplu tagħha ilhom jiġġieldu gwerra brutali u illegali għal 129 ġurnata tal-waħx. Waqt li l-bombi Russi għadhom joqtlu b'mod indiskriminat, waqt li l-armata Russa tkompli tistupra lin-nisa Ukreni, waqt li miljuni ta' Ukreni ħarbu minn pajjiżhom u se jkomplu jaħarbu, illum l-Ukrajna qed iddur fuq l-Ewropa għall-għajnuna.

Qed iduru fuqna, u din hi l-mistoqsija li jeħtiġilna nagħmlu lilna nfusna, u r-responsabbiltà li nagħtu lilna nfusna, għax mhumiex qegħdin jiġġieldu biss għall-patrija tagħhom, mhumiex qegħdin jiġġieldu għal darhom, iżda qegħdin jiġġieldu biex iżommu l-valuri li jirfdu l-istil ta' ħajja tagħna: meta nitkellmu dwar il-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Dan mhuwiex kliem li nistgħu naqbdu u nagħtuh il-ġenb għax ma għadhux jgħodd għal widnejna. Forsi għamilna hekk għax qisnieh bħala kliem ovvju. Imma l-Ukreni llum jafu u ilhom żmien twil jafu – forsi saħansitra qabel ma stajna nammettuha magħna nfusna – li l-proġett Ewropew tagħna huwa l-akbar forza li tostakola l-imgħoddi reviżjonista ta' Putin imsejjes fuq sferi ta' influwenza, Stati vassalli u purtiera tal-ħadid.

Fl-24 ta' Frar qomna, tard, biex nirrealizzaw li l-ġlieda tal-Ukrajna hija l-ġlieda tal-Ewropa.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Kunsill Ewropew ħa deċiżjoni bla preċedent billi ta l-istatus ta' pajjiż kandidat tal-UE lill-Ukrajna u lill-Moldova, u dan sar mument ta' żvolta għall-integrazzjoni Ewropea. Dak li ġara l-ġimgħa li għaddiet lanqas biss kien jgħaddilna minn moħħna. Mhux biss f'Jannar li għadda meta bdejt il-mandat tiegħi, iżda lanqas 5 jew 6 ġimgħat ilu; ma kontx naħseb li l-Ukrajna u l-Moldova kienu se jkunu pajjiżi kandidati tal-Unjoni Ewropea. Il-ġimgħa li għaddiet hemm kont jiena, madwar dik il-mejda fil-Kunsill Ewropew. Ħsibt li kien se jkun iktar diffiċli li d-deċiżjoni tgħaddi, imma fl-aħħar mill-aħħar, madwar dik il-mejda, minnufih fhimna li kellna bżonn nuru lill-Ukrajna, lill-Ewropa, liċ-ċittadini tagħna bħala rappreżentanti eletti, u lid-dinja li l-ebda deċiżjoni mhi daqshekk diffiċli biex tittieħed meta l-valuri tagħna jkunu qed jiġu kkontestati. Din it-turija ta' għaqda saħħet lilna fejn tidħol is-sitwazzjoni ta' sigurtà ġeopolitika tagħna, u saħħet ukoll lill-Ukrajna u lil kull pajjiż li jdur fuq l-Ewropa bħala dak is-sur ta' protezzjoni u demokrazija li dejjem kienet.

Il-passi li jmiss se jkunu kruċjali u diffiċli ħafna. Hekk kif huwa inevitabbli li l-għeja relatata mal-gwerra tiżdied, hija r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li ma nerġgħux insiru kompjaċenti.

Għalhekk jeħtiġilna nirduppjaw l-isforzi tagħna biex ngħinu lill-Ukrajna, filwaqt li nanalizzaw ukoll is-sitwazzjoni ta' din il-bidla fundamentali fil-ġeopolitika.

Għalhekk jeħtiġilna neżaminaw il-mod kif ninteraġixxu mal-awtokrati u jeħtiġilna nbiddlu l-mod kif inħarsu lejhom. Għax l-ommijiet u l-missirijiet fundaturi tagħna stinkaw wisq biex jibnu sistema li fiha jkun impossibbli li nerġgħu lura għall-orruri tal-gwerra.

Sta għalina niddefendu l-ordni bbażat fuq ir-regoli u l-valuri li nirrispettaw. Hemm bżonn nikkonsolidaw relazzjoni ta' interdipendenza bejn in-nazzjonijiet u l-popli li huma kburin bid-differenzi tagħhom, iżda li jifhmu li, f'din id-dinja l-ġdida, il-futur jista' jkun biss flimkien. U dan ifisser li jkollna nifhmu li l-interdipendenza hija inevitabbli; hemm bżonn ukoll li nerfgħu r-responsabbiltà tagħna fil-fora internazzjonali. Ir-responsabbiltà hija tagħna; ma nistgħux, bħala Ewropa, inkomplu ngħidu li ħaddieħor jista' jaġixxi minflokna. Inġorruh aħna l-piż li niddefinixxu r-regoli, il-prinċipji u l-valuri li jenfasizzaw il-mod kif ninteraġixxu man-nazzjonijiet l-oħra u l-mod kif in-nazzjonijiet l-oħra jinteraġixxu magħna. Għaliex jekk ma nkunux aħna li nagħmlu hekk, se jkun ħaddieħor.

Kif hu magħruf li qal Jacques Delors 30 sena ilu: "Jekk irridu nirreżistu l-forzi tal-frammentazzjoni, tal-protezzjoniżmu u tal-esklużjoni, jeħtiġilna nkunu aktar minn sempliċement konxji tal-interdipendenza tagħna.  Jeħtiġilna nimxu 'l quddiem u namministrawha, niffissaw objettivi komuni u napplikaw regoli komuni".

Sinjuri, hemm bżonn li tidħol paradigma ġdida li biha l-Unjoni Ewropea tieħu f'idejha t-tmun tad-destin tagħha u ssawru hi, indipendentement mit-theddid li ġej mil-Lvant. Jeħtiġilna nkunu ambizzjużi u kuraġġużi biżżejjed biex niżviluppaw strateġija fit-tul. Strateġija li tippermettilna nagħmlu qabża enormi biex inħarsu l-valuri tagħna. L-għaqda li wrejna bħala Unjoni u lil hinn trid tibqa' l-mudell ta' kif nimxu 'l quddiem.

Qatt ma għandna ninsew il-forza li għandha l-Ewropa biex tibdel il-pajjiżi u ħajjet in-nies. Il-proġett tagħna ta' paċi fl-Ewropa jista' ma jkunx perfett, imma ispira u ppermetta li jinkisbu bidliet li bosta kienu jaħsbuhom impossibbli. Essenzjalment, l-Ewropa tagħna hija kwistjoni ta' tama. It-tama fil-futur. It-tama li naraw il-libertajiet tagħna jipprevalu. It-tama li nimxu 'l quddiem u li nispiraw il-bidla.

Naf li għadna nistgħu nimxu 'l quddiem.
Naf li għadna nistgħu nispiraw.

Grazzi.