Waqt li kienet qed tindirizza t-tielet Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola faħħret lir-Renju Unit għall-appoġġ bla waqfien tiegħu għall-Ukrajna.
Onorevoli President, għażiża Natalie, Onorevoli President, għażiż Sir Oliver, Onorevoli Membri tal-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija UE-Renju Unit, Għeżież ħbieb, Għeżież kollegi,
Ninsab kuntenta li qiegħda hawn fit-tieni jum tat-tielet Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija UE-Renju Unit.
Bħala membri parlamentari mill-UE u mir-Renju Unit, għandna r-responsabbiltà mhux biss li nżommu djalogu miftuħ bejn il-parlamenti tagħna, iżda wkoll li nsaħħu r-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit.
L-istabbiliment tal-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija UE-Renju Unit skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni kien pass importanti ’l quddiem u lkoll nafu li se jkun hemm ħafna passi xi jsiru.
Diġà nafu lil xulxin tajjeb ħafna. Dan jippermetti li d-diskussjonijiet tagħna jibdew mal-ewwel sabiex jiġu indirizzati – flimkien bħala ħbieb u bħala alleati – l-isfidi attwali li jolqtu l-valuri komuni tagħna u li jirrappreżentaw theddida għalihom. U hawnhekk, ippermettuli nibda billi nfaħħar lir-Renju Unit talli qed jappoġġja b’mod sod lill-Ukrajna.
Sa mill-bidu tat-tentattiv ta’ invażjoni illegali ta’ Putin, ir-Renju Unit kien wieħed mis-sostenituri ewlenin tal-Ukrajna, u wiegħed biljuni ta’ liri sterlini f’għajnuna, ħarreġ suldati u bdoti u pprovda assistenza militari, umanitarja, loġistika u politika. Naħsbuha bl-istess mod f’dak li jikkonċerna r-relazzjoni tagħna mal-Ukrajna u l-pożizzjoni tagħna fir-rigward tar-Russja.
F’dawn iż-żminijiet ta’ tbatija, m’hemmx dubju li l-azzjoni konġunta u s-sensibilizzazzjoni tagħna għaqqduna, u bis-saħħa ta’ din l-Assemblea, nistgħu u se nkomplu f’din it-triq komuni.
F’Marzu li għadda, fakkarna l-25 anniversarju tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/il-Ftehim ta’ Belfast, li temm il-kunflitt fl-Irlanda ta’ Fuq. F’din l-okkażjoni, dan il-Parlament Ewropew tenna l-appoġġ sod tiegħu għall-proċess ta’ paċi li nkiseb bi sforz kbir fil-gżira tal-Irlanda, innegozjat ukoll bil-ħidma bla heda tal-membri ta’ din il-Kamra.
Din is-sena lqajna bl-istess mod Qafas ta’ Windsor deċiżiv, li jistabbilixxi arranġamenti għall-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq. Dan iwitti triq ġdida ’l quddiem fir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-UE. Ninsab kuntenta li l-Parlament Ewropew malajr ippreżenta fajls leġiżlattivi urġenti relatati mal-implimentazzjoni tal-Qafas.
Issa wasal il-mument li nidderieġu l-isforzi konġunti tagħna lejn aktar oqsma ta’ interess komuni. L-isfidi għall-ekonomiji, il-kummerċ, is-servizzi finanzjarji u l-enerġija tagħna huma biss ftit mill-oqsma li fihom għandna nimxu id f’id flimkien f’dawn iż-żminijiet ta’ taqlib ġeopolitiku serju.
L-aħjar triq ’il quddiem hija li nirrispettaw u nimplimentaw bis-sħiħ il-qafas maqbul b’mod konġunt tagħna – il-Ftehim dwar il-Ħruġ, ikkompletat mill-Qafas ta’ Windsor, u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Għax jipprovdi bażi solida biex tinżamm il-ħbiberija li ilha teżisti bejnietna. Għax tirfed l-isforzi reċiproċi tagħna biex nippreservaw id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali.
Din l-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija għandha rwol reali u konkret. Mhux biss biex twitti t-triq għall-kooperazzjoni tagħna, iżda – fuq kollox – biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Ftehim reċiproku tagħna dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Huwa b’hekk li nistgħu niżguraw li nkunu nistgħu nisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta’ dan il-qafas kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE.
Id-djalogu huwa importanti. Ir-relazzjoni tagħna hija importanti. Id-diskussjoni dwar interessi komuni għall-UE u għar-Renju Unit hija importanti. Nixtiequ nżommu skambju produttiv u kontinwu mar-Renju Unit, u dan huwa l-impenn tiegħi. Dejjem.
Jien in-neputija ta’ nannu li kien kok mar-Royal Navy – dan il-fatt insemmih biex nuri li r-rabtiet li jgħaqqduna huma ferm akbar mid-differenzi tagħna. Naf li r-Renju Unit dejjem se jkun sieħeb politiku u ekonomiku kruċjali u alleat għall-Unjoni Ewropea – iżda aktar minn hekk, l-UE u r-Renju Unit huma ħbieb u huwa dak il-fehim fundamentali li se jmexxi ’l quddiem id-diskussjonijiet tagħna.
Grazzi.