Roberta Metsola: "Id-dinja teħtieġ l-Ewropa fl-aqwa tagħha għaliex l-Ewropa hija tama" 

 

F'Liżbona, il-President tal-Parlament Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza li l-Ewropa tkun kapaċi tegħleb l-isfidi globali tal-lum. "Id-dinja teħtieġ l-Ewropa fl-aqwa tagħha. Għandna bżonn dik it-tama."

"L-Ewropa hija għażla - għażla li għamlu l-pajjiżi għax fehmu li l-aqwa ċans tagħna huwa jekk inkunu flimkien. Għażilna l-Ewropa." Dan kien il-messaġġ tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hija u tindirizza l-Konferenzi ta' Estoril 2022 f'Liżbona. 

Fid-diskors tagħha ftit jiem qabel l-Istat tal-Unjoni, il-President Metsola enfasizzat li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu, u malajr. "L-Ewropa għandha l-poter li tittrasforma, iżda rridu nsibu l-qlubija politika biex nagħmlu dik il-qabża 'l quddiem u nbiddlu d-dinja. Nistgħu u hekk għandna nagħmlu. Għax jekk ma niktbux il-futur aħna, se jinkiteb minn dawk b'narrattiva differenti ħafna u jkollu tmiem differenti ħafna."

Rigward l-invażjoni illegali tal-Ukrajna sovrana, hija qalet: "Ninsab kburija bir-rispons tal-Ewropa. L-Ukrajna appoġġajnieha, tajnieha għajnuna militari, appoġġ politiku u diplomatiku, ilqajna miljuni ta' nies li ħarbu, ipprovdejna finanzjament fuq skala bla preċedent. L-aktar pass politiku sinifikanti kien li l-Ukrajna tingħata l-istatus ta' kandidat għas-sħubija fl-UE, għax l-Ukrajna teħtieġ it-tama. L-Ukrajna qed tiġġieled għall-Ewropa u aħna mhux se nabbandunawha."

Rigward l-azzjonijiet biex tiġi indirizzata l-inflazzjoni, hija qalet: "In-nies huma mħassba dwar il-kontijiet tagħhom, dwar kif se jaslu sal-aħħar tax-xahar, dwar id-dinja li se jħallu lil uliedhom. L-Ewropa trid tqum u tilqa' dik l-isfida. Kemm jekk qed tindirizza l-għoli tal-ħajja, kif ukoll il-prezzijiet tal-elettriku, it-tibdil fil-klima, id-difiża jew is-sigurtà tal-ikel. L-unika triq 'il quddiem hija dik tal-għaqda bejnietna. Hemm deċiżjonijiet li nistgħu neħduhom issa biex nillimitaw l-impatt: niffissaw limitu massimu għall-kontijiet, niffissaw is-sistemi tal-prezzijiet tagħna, jew ma nħallux il-prezz tal-elettriku akkoppjat ma' dak tal-gass - biex innaqqsu l-pressjoni immedjata filwaqt li nimplimentaw strateġiji fit-tul. Jekk qatt kien hemm mument għal "aktar Ewropa", il-mument huwa dan u huwa issa."

Hija saħqet li, "L-Ewropa se tibqa' ħajja biss jekk niġġieldu għaliha. Jekk nieqfu ma napprezzawhiex. Jekk nifhmu u nispjegaw il-benefiċċji tagħha. Jekk niġġieldu kontra dawk determinati li jdgħajfuha. Jekk għandna l-ħila nirriformaw u nivvintaw il-proġett tagħna mill-ġdid".

Wara l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-pass li jmiss għandu jkun Konvenzjoni. "Irridu niżguraw li titkompla l-konverżazzjoni biex inħallu Ewropa li tkun xierqa għall-ġenerazzjoni li jmiss. Ma nistgħux nirriskjaw li naqgħu lura għax il-burokrazija tagħna hija kkumplikata wisq biex tingħeleb, jew nippermettu li interessi limitati jieħdu preċedenza. L-aħħar riforma kbira seħħet ġenerazzjoni ilu. Nafu li dak li darba ħadem għall-EU18 jinsab fil-limiti tiegħu għall-EU27, u mhux se jkun jista' jaħdem għall-EU32 jew għall-EU36. Wasal iż-żmien."

Minkejja l-ħafna bidliet u veritajiet iebsa li qed tiffaċċja d-dinja, Metsola kkonkludiet, "Jien ninsab ottimista. Ninsab konvinta li bis-saħħa tal-Ewropa, id-dinja ta' għada se tkun aħjar minn dik li se nħallu warajna. Ninsab mimlija tama. Tama fil-futur, tama fil-ġenerazzjoni li jmiss. Għandi fiduċja fil-possibbiltajiet ta' żmienna u meta nħares lejn iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa naf li l-futur huwa promettenti".

Id-diskors sħiħ tal-President Metsola huwa disponibbli hawnhekk.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: