Ma jistax ikun qisu xejn mhu xejn mar-reġim Iranjan 

 

Fil-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sejħet għal aktar sanzjonijiet bħala risposta għas-sitwazzjoni deterioranti fl-Iran. “Hemm bżonn investigazzjoni internazzjonali li żżomm lir-reġim kontabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,” qalet il-President.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza s-sessjoni plenarja fi Brussell

Is-sitwazzjoni fl-Iran kompliet tmur saħansitra għall-agħar. In-nies li niżlu fit-toroq tal-Iran għandhom bżonn l-appoġġ tagħna. Jisħoqqilhom l-appoġġ tagħna.

In-nisa, l-istudenti, l-intellettwali u tant nies oħra jissugraw ħajjithom f'Tehran u fi bliet oħra biex jiġġieldu favur id-drittijiet tal-bniedem bażiċi. Ir-reġim Iranjan mhu qed juri ebda ħniena mad-dimostranti u issa bdew l-appelli biex in-nisa impriġunati jiġu kkundannati għall-mewt.

Għalhekk ħeġġiġt lir-Rappreżentant Għoli, f'ittra li bgħattlu lbieraħ, jieħu pożizzjoni soda kontra dawn l-azzjonijiet faħxin.

Din il-Kamra għamlitha ċara ħafna: hemm bżonn li ssir investigazzjoni internazzjonali biex ir-reġim oppressiv jinżamm responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed isir.

Wasal iż-żmien li nimponu aktar sanzjonijiet immirati. Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn mar-reġim Iranjan.