Hi u tilqa' lill-President tal-Georgia fil-Parlament Ewropew, il-President Metsola qalet li l-bieb tal-Ewropa għall-Georgia jibqa' miftuħ. "Narawkom, nismgħukom, aħna magħkom," qalet il-President Metsola.
Għeżież kollegi, Illum ingħaqdet magħna l-President tal-Georgia, Salomé Zourabichvili. President, nerġgħu nilqgħuk fil-Parlament Ewropew.
Fl-aħħar żjara tiegħek f’din il-Kamra konna ddiskutejna l-progress li għamel pajjiżek biex jingħaqad mal-familja Ewropea tagħna. Illum, din il-mixja tinsab mhedda. Il-Parlament Ewropew jikkundanna kwalunkwe repressjoni tal-oppożizzjoni u l-inkarċerazzjoni tad-dimostranti paċifiċi. Dawn l-azzjonijiet ireġġgħu lura l-passi pożittivi li ħadna flimkien f’dawn l-aħħar snin.
Bħala reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, din il-Kamra għamlet appell għal azzjoni deċiżiva u ntennu dak l-appell.
Naf li hemm ħafna nies fil-Georgia li huma inkwetati bil-futur ta’ pajjiżhom. Qed nitkellem f’isem din il-Kamra kollha meta ngħid lil dawk fil-Georgia li jħarsu lejn l-Ewropa għal appoġġ u għall-futur tagħhom li mhumiex waħedhom. Qed narawkom, qed nisimgħukom, aħna magħkom.
Din il-Kamra tieqaf mal-poplu tal-Georgia u tappoġġja l-mixja tiegħu lejn l-Ewropa. U l-bibien tagħna se jibqgħu miftuħin dejjem.