Flimkien nistgħu nfasslu Ewropa aħjar – il-President Metsola  

 

Flimkien nistgħu nfasslu Ewropa aħjar – il-President Metsola  

Brussell  
 
 

"F'Ġunju, l-Ewropej se jagħżlu l-futur tagħhom. Aħna lesti li nieħdu lill-Ewropa fil-livelli li jmiss. Biex tissawwar Unjoni aktar b'saħħitha, f'armonija ma' żminijiet ta' bidla, li ġġiegħel lin-nies jemmnu. Flimkien, nistgħu nsawru Ewropa aħjar." Il-President Metsola għamlet dawn ir-rimarki fl-Europa Forum fi Brussell.

       


President Calviño, għażiża Nadia,
President Murphy, għażiż Tony,
Kollegi Membri tal-Parlament Ewropew,
Għeżież Ewropej,
Sinjuri,

Grazzi talli tajtuni l-opportunità li nkun magħkom hawnhekk illum fl-ewwel Nueva Economía Fórum li qed jiġi organizzat barra Spanja. 

Laqtuni l-kliem tal-President il-ġdida tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Nadia Calviño, li tmexxi dan il-bank, iżda li nafha wkoll bħala Ewropea impenjata u bħala ħabiba. Kif qalet mhux tant żmien ilu, l-idea li l-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-President tal-Parlament Ewropew se jkunu qed jilbsu tkaken għoljin fuq il-palk kienet tidher xi ħaġa impossibbli. Li xi darba fil-futur il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kap tal-Bank Ċentrali se jkunu qed jimxu fuq l-istess perkors issorprenda lil ħafna. Illum din saret xi ħaġa normali għal kulħadd. 

Għamilna progress kbir.

Nafu kif inhi s-sitwazzjoni għan-nisa fil-politika u kemm hi kbira r-responsabbiltà li għandna fuq spallejna biex inkomplu nxaqqu dak is-saqaf tal-ħġieġ u nagħmluha aktar faċli għall-bniet u għan-nisa li ġejjin warajna. 

U meta nitkellmu dwar il-kisbiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea, se nitkellmu dwar il-leġiżlazzjoni u r-regoli fis-seħħ – iżda rrid nirrikonoxxi wkoll il-progress li għamilna f’termini ta’ bidla soċjetali u politika, f’termini ta’ mudelli eżemplari li ngħataw lill-bniet u lis-subien Ewropej. M’għandniex nagħmlu l-iżball li nassumu li hija xi ħaġa li ġrat b’kumbinazzjoni. 

Din il-bidla saret minn persuni li ssagrifikaw, minn persuni li emmnu, minn persuni li vvotaw. 

Wasalna biex nibdew proċess li jwassal għall-akbar eżerċizzju demokratiku multinazzjonali li qatt rat id-dinja, li jixħet fuqna piż ta’ responsabbiltà, liema piż għandna nkunu lesti li nġorru. 

Id-demokrazija hija xi ħaġa li ħafna drabi nieħdu bħala xi ħaġa fatta fl-Ewropa. 

Ftit jiem ilu, id-demokrazija tilfet wieħed mill-paladini tagħha, il-mewt ta’ Alexei Navalny fil-ħabs fl-Artiku Russu tfakkarna kemm irridu nkomplu niddefendu l-Ewropa. Għaliex huwa importanti kif se tkun tidher l-Ewropa fil-ħames snin li ġejjin. Għaliex huwa importanti għalina u għad-dinja. 

Hemm ħafna x’jista’ jintilef u jeħtiġilna nkunu kapaċi u lesti għal meta niġu wiċċ imb wiċċ ma’ dan il-mument. 

Meta ħadt il-kariga, tkellimt dwar kif in-nies madwar l-Ewropa kienu se jħarsu lejn il-Parlament Ewropew għal tmexxija u direzzjoni, filwaqt li oħrajn se jkomplu jittestjaw il-valuri demokratiċi u l-prinċipji Ewropej tagħna. 

Test tant bla ħniena li sa ftit ġimgħat wara biss, fl-24 ta’ Frar 2022, il-karrijiet armati Russi daħlu f’Ukrajna indipendenti u sovrana. 

Ninsab tassew kburija li l-Membri tal-Parlament Ewropew, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri mobilizzaw ruħhom b’għaqda liema bħalha. Li dan ġara fl-ewwel ftit sigħat wara l-elezzjoni f’Jannar 2022 kienet ukoll xi ħaġa li ma konniex qed nistennew.

U se nkomplu nikkundannaw din l-aggressjoni. Se nkomplu nimponu sanzjonijiet li jgħakksu l-magna tal-gwerra tar-Russja. Se nkomplu nappellaw biex l-assi Russi jintużaw ħalli l-Ukrajna tinbena mill-ġdid. Se nkomplu nassistu lill-Ukrajna biex issir membru sħiħ tal-UE. Apparti minn hekk, se nkomplu nagħtu assistenza politika, ekonomika, militari, finanzjarja, umanitarja u diplomatika lill-Ukrajna.  Se nibqgħu nagħmlu dan sakemm ikun hemm bżonn. 

Din isaqsuhieli ħafna – għala tgħid “sakemm ikun hemm bżonn”? Għaddew sentejn. Nistgħu nkomplu nsostnu l-għajnuna li nagħtu? It-tweġiba tiegħi hija dejjem ċara. Se nagħmlu dan għaliex il-valuri tagħna u l-istil ta’ ħajja tagħna huma importanti. Għax jekk hemm xi ħaġa li l-Unjoni Ewropea u l-Ewropa jirrappreżentaw, hija l-umanità. Għal paċi reali. Paċi b’dinjità, b’responsabbiltà u b’ġustizzja. 

Hija l-istess loġika li tiggwida r-reazzjoni tagħna għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Għall-katastrofi umanitarja orribbli f’Gaża. Għalhekk insistejna għal waqfien mill-ġlied, ir-ritorn tal-ostaġġi li ttieħdu b’mod daqshekk krudili f’Ottubru u biex Ħamas ma jibqax jopera b’impunità. Dan huwa l-mod kif aktar għajnuna tidħol f’Gaża. Dan huwa l-mod kif insalvaw aktar ħajjiet. U fundamentalment, din hija l-bażi li fuqha nippromwovu soluzzjoni ta’ żewġ Stati li tagħti prospettiva lill-poplu Palestinjan u sigurtà lil Iżrael, u li Gaża titmexxa minn awtoritajiet leġittimi Palestinjani.  

Dan huwa l-mod kif insibu dik il-paċi li ċċaħħdu minnha ġenerazzjonijiet sħaħ. It-tweġiba tista’ tkun biss ta’ natura politika. Qlubna jridu jkunu kbar biżżejjed għall-vittmi kollha u moħħna jrid ikun kapaċi jsib ir-rieda politika biex inkissru daċ-ċiklu tal-istorja.

Ma nistgħux inqisu l-paċi bħala xi ħaġa fatta. Rajna kif il-gwerra ma għadhiex inkonċepibbli. Is-sigurtà kollettiva tal-Ewropa hija ta’ importanza fundamentali. Huwa għalhekk li neħtieġu qafas reali ta’ sigurtà u difiża, wieħed li ma jirrepetix dak li jeżisti diġà iżda li jikkomplementah. Jeħtiġilna nkunu lesti li nadattaw għar-realtajiet globali li qed jinbidlu. Għal sitwazzjoni li la stedinnieha, la ridnieha, u li għamilna minn kollox biex nevitawha – iżda waħda li jeħtiġilna nkunu lesti għaliha. Dan huwa l-appell tal-Ewropa għall-paċi. 

Is-sigurtà tagħna hija essenzjali għalina lkoll – mhux biss minħabba l-atturi statali. Fi ftit ġimgħat, se nfakkru l-20 sena minn dawk l-attentati terroristiċi fatali f’Madrid li qatlu 193 persuna u darbu kważi 2 000 oħra. Għadna nibku t-telfa ta’ dawn l-għeżież. 

L-aħħar snin ma kinux faċli, iżda kif jgħid il-qawl: l-azzar l-aktar b’saħħtu jinkewa fin-nar l-aktar jaħraq. Għalhekk insostni li, minkejja kollox, l-Ewropa hija aktar b’saħħitha minn qatt qabel. Li l-kriżijiet li għaddejna minnhom sawruna, għamluna aktar reżiljenti, aktar determinati u aktar magħqudin minn qatt qabel.

Bħala President tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-Membri, għandna d-dmir li mmorru lil hinn minn dal-ħitan, li nqarrbu lill-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħna u li nibnu Ewropa aktar b’saħħitha. Waħda li tagħmel ħajjet kulħadd ftit aktar faċli, ftit aktar ġusta, ftit aktar sikura. 

L-Unjoni Ewropea mhix perfetta. Għad fadal ħafna xi jsir u għad fadal ħafna x’jitwettaq. Il-proċessi tagħna xi kultant anke lili stess jiffrustraw. Iżda t-tweġiba tiegħi mhijiex li neqirdu, iżda li nibnu. Li nibnu aħjar, nibnu b’mod aktar sostenibbli. Li nisimgħu aktar liż-żgħażagħ tagħna, lill-bdiewa tagħna, lil dawk kollha li għalihom il-wegħda tal-Ewropa għadha tidher ’il bogħod wisq. Biex ngħaddu liġijiet effettivi li jgħinu lin-nies, li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-abbuż, u li jtemmu l-ġlidiet intergenerazzjonali kontra l-faqar, l-inugwaljanza u t-tiċħid tad-drittijiet.

Konvinta li nistgħu nerġgħu niksbu dak l-entużjażmu għall-Ewropa. Nistgħu nuru li l-politika hija forza għall-ġid, mezz għal bidla pożittiva fil-komunitajiet u fis-soċjetajiet tagħna. Dan huwa l-mod kif nistgħu nikkonvinċu lin-nies jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej li jmiss f’Ġunju. 

Billi nuru, b’mod tanġibbli, b’mod konkret, lil kull individwu, li l-Ewropa tista’ tagħti r-riżultati. 

Kif fl-eqqel tal-pandemija – li laqtet pajjiżi bħal Spanja b’mod iebes ħafna – irnexxielna niżguraw il-forniment konġunt ta’ vaċċini u ventilaturi. Għamilna passi enormi ’l quddiem fil-kapaċità konġunta tagħna għall-kura tas-saħħa. Appoġġajna l-impjiegi u n-negozji, u ngħaqadna flimkien bħal qatt qabel biex naqblu fuq Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ €723 biljun li għenet lill-ekonomiji nazzjonali jirkupraw. Il-governanza ekonomika tagħna – li fiha l-Parlament Ewropew kellu rwol kruċjali ħafna – tat riżultati. 

F’dak li jikkonċerna l-migrazzjoni – kwistjoni Ewropea li teħtieġ risposta Ewropea. F’kull elezzjoni li kellna, intlabna nagħtu risposti miċ-ċittadini tagħna. F’kull pajjiż, fl-2019, intlabna nindirizzaw din l-isfida, multidimensjonali, differenti, li tiddependi mill-pajjiż, mill-ġeografija – li għandha tiġi indirizzata fil-livell Ewropew. U rnexxielna.

Flimkien, ksibna dak li ħafna ħasbu li ma kienx possibbli permezz ta’ ftehim straordinarju Ewropew. Ftehim li huwa ġust ma’ dawk li jeħtieġu protezzjoni, ftehim sod ma’ dawk li mhumiex eliġibbli għall-ażil u wieħed li huwa aħrax mat-traffikanti li jisfruttaw lil dawk l-aktar vulnerabbli. Se nidħlu f’dawn l-elezzjonijiet b’messaġġ li l-ebda Stat Membru tal-UE mhu se jitħalla waħdu. Għax nafu kif dik in-narrattiva tista’ tinkapsula spirtu politiku ta’ kampanja u timbotta lin-nies lejn l-estremitajiet, sforz li ma konniex nispjegaw tajjeb. Ma konniex nikkomunikaw is-suċċessi tagħna, inwasslu l-messaġġ li rnexxielna.

F’dak li jikkonċerna t-tkabbir, is-sena l-oħra l-UE fetħet in-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova. Tajna status ta’ pajjiż kandidat lill-Georgia u qed inżidu l-impenn tagħna mal-Balkani tal-Punent. Sal-lum, aħna fil-Parlament Ewropew ninsabu konvinti li t-tkabbir huwa l-akbar riżorsa ġeopolitika tal-Unjoni Ewropea. Diġà għexna u rajna b’għajnejna l-vantaġġi inkredibbli tiegħu, u jeħtiġilna nkunu lesti għal Unjoni ta’ 30, ta’ 33 jew ta’ 35.

F’dak li jikkonċerna t-tranżizzjoni diġitali: il-liġijiet il-ġodda tagħna huma kritiċi u se jiżguraw il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħna, tal-mod kif inżommu l-pass mat-teknoloġija, sabiex ngħinu l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, iżda wkoll biex nipproteġu, nissalvagwardjaw lit-tfal tagħna online, filwaqt li nagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku tagħna, biex insaħħu l-awtonomija u l-libertà tagħna. Konna nitkellmu ħafna dwar it-terminu “awtonomija strateġika” qabel l-2022. Illum dak it-terminu sar għandu tifsira ferm differenti, u kemm sar neċessarju u multidimensjonali llum il-ġurnata.

Għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej, b’Erasmus Plus (u b’wiċċi minn quddiem ngħid li jien alumna tal-Erasmus), bil-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li ħafna żgħażagħ tagħna talbuna, b’Orizzont Ewropa, id-dinja akkademika (kemm kienet importanti din), u b’InvestEU, qed nagħtu liż-żgħażagħ madwar l-Ewropa l-opportunità li jissodisfaw l-ambizzjoni tagħhom. Kif għedt inti Nadia, dan ma ntennuhx biżżejjed. In-nies jgħaddu mill-irħula tagħna, mill-bliet tagħna, u ma għednilhomx li dan huwa bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri bis-saħħa tal-investiment fil-kapital nazzjonali tagħna, fit-talent nazzjonali tagħna. Ejjew niżguraw li dan ngħiduh, biex nagħtu prova li l-Ewropa tfisser xi ħaġa li jistgħu jmissu b’idejhom, li jistgħu jaraw b’għajnejhom, li jistgħu jibbenefikaw minnha kuljum.

F’dak li għandu x’jaqsma mal-intelliġenza artifiċjali, mal-protezzjoni tal-ġurnalisti mill-abbuż, mal-kummerċ, mal-klima, mat-titjib tas-soċjetajiet tagħna: għamilna progress reali. Għaddejna aktar minn 800 att leġliżlattiv f’dan il-mandat biss. Dan se jkun rekord reali. Il-kwistjoni se tkun kif se ngħaqqdu dan ma’ li nikkomunikawh u nimplimentawh b’mod korrett.

L-Unjoni Ewropea kienet l-aktar attur globali influwenti fil-promozzjoni tal-aġenda internazzjonali dwar id-dekarbonizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan huwa estremament importanti. Dan is-suġġett qatt mhu se titneħħielu l-prijorità tal-aġenda tagħna.

Iżda huwa minnu wkoll li hemm linja inviżibbli li n-nies ma għandhomx ikunu mġiegħla jaqbżu. Iċ-ċittadini għandhom ikollhom fiduċja fil-proċeduri, u għandhom jifilħu jħallsu għalihom. Inkella se nfallu u dan jirriskja li jimbotta aktar u aktar nies fil-kumdità tal-pożizzjonijiet estremi tal-politika.

Għalhekk jeħtiġilna nkunu nistgħu ntaffu l-impatt ekonomiku u soċjali tad-deċiżjonijiet tagħna. F’dak li jikkonċerna l-agrikoltura b’mod speċifiku, jeħtieġ li nsibu bilanċ bejn li niżguraw li l-bdiewa tagħna jkunu jistgħu jitimgħu lill-kontinent tagħna u niżguraw l-mezzi ta’ sussistenza tagħhom u ta’ wliedhom, filwaqt li nsalvaw il-pjaneta tagħna. Konvinta li kapaċi nagħmluh dan. F’kull pajjiż, peress li nżur ħafna pajjiżi biex niddiskuti mhux biss mal-awtoritajiet iżda wkoll maż-żgħażagħ, qed niltaqa’ wkoll ma’ bdiewa b’talbiet individwali differenti, domandi individwali differenti u frustrazzjonijiet, li jeħtieġ li nkunu kapaċi nifhmu. Ma stajniex, 4 snin ilu meta faqqgħet il-pandemija, nitolbuhom jgħinuna, li nieħdu l-prodotti tagħhom u npoġġuhom fis-soċjetajiet tagħna għaliex konna niddependu minnhom, biex imbagħad 4 snin wara, b’xi mod, inwettqu t-tranżizzjoni ekoloġika mingħajrhom.

Jiġifieri minkejja li kburin bis-suċċessi tagħna, jeħtiġilna nkunu onesti wkoll dwar fejn nistgħu nagħmlu aħjar, fejn għaġġilna żżejjed u morna wisq ’il bogħod. Fejn m’għamilniex biżżejjed u fejn ma ssodisfajniex l-aspettattivi tan-nies. 

Jeħtiġilna niddiskutu t-tħassib reali. Kif inżommu l-fiduċja tan-nies fil-proġett tagħna. Kif tista’ tinżamm il-kompetittività Ewropea f’kuntest globali polarizzat. Kif nibnu futur ġust, ekoloġiku u reżiljenti, kif nagħtu spinta lill-innovazzjoni fil-manifattura Ewropea fil-kuntest tar-relazzjonijiet ekonomiċi globali mimlija tensjoni; kif nissalvagwardjaw is-sigurtà tal-enerġija tagħna. U xorta jeħtiġilna nkunu ppreparati għal aktar bidla. 

Għandna nibqgħu fi triq stabbli għal tkabbir sostenibbli fit-tul. Iżda li ninkorporaw is-sostenibbiltà fil-mudell irid ikun parti minn strateġija usa’ li tinkludi s-setturi kollha, irid joffri inċentivi reali u xbieki ta’ sikurezza, u fuq kollox, irid jaħdem għan-nies. 

Jinkwetani li f’ħafna postijiet, hemm ġenerazzjoni ġdida ta’ persuni, li minkejja li għandha l-informazzjoni kollha tad-dinja għad-dispożizzjoni tagħha, hija aktar xettika minn qabel. Ġenerazzjoni mħajra minn narrattiva ċinika li tpinġi r-realtà sewda jew bajda, mentri fil-verità hemm eluf ta’ sfumaturi griżi. Li d-drittijiet li l-Ewropa tipproteġi u l-opportunitajiet li l-Unjoni tagħna tagħti jittieħdu bħala xi ħaġa fatta. Ma nistgħux nippermettu li dik il-ġenerazzjoni tibqa’ d-dar jew tistkenn għall-irdoss tal-pożizzjonijiet estremi.

Il-ġimgħa d-dieħla se mmur Spanja biex inħeġġeġ lill-Ispanjoli – speċjalment liż-żgħażagħ – jivvotaw fl-Elezzjonijiet Ewropej fid-9 ta’ Ġunju 2024, u biex inqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jintgħażlu l-Membri tal-Parlament Ewropew li se jmexxu l-politika Ewropea fil-ħames snin li ġejjin. Il-ħames snin li ġejjin mhux se jkunu faċli.

Huwa importanti li naraw x’tip ta’ Parlament Ewropew se jkollna għal ħames snin li ġejjin. 

Il-105 ijiem li ġejjin se jikkonċernaw it-tixjin taċ-ċiniżmu faċli li ddeffes wisq fid-diskors politiku. Dwar kif nistgħu nibnu minflok neqirdu. Dan huwa dak li nfissru b’forzi kostruttivi. 

Konvinta li dan nistgħu nagħmluh. Minkejja d-diffikultajiet kollha f’dawn l-aħħar ħames snin, irnexxielna b’suċċess kbir.

U ninsab konvinta li ċ-ċittadini se jagħtuna Parlament Ewropew li jmiss bħala Istituzzjoni li hija aktar b’saħħitha, aktar aġli u li kapaċi aktar tagħti riżultati.

Nistgħu nagħmlu dan biss jekk ma nqisux l-Ewropa bħala fatt. 

Grazzi ħafna.