Post l-Ukrajna huwa fil-familja Ewropea  

 

Post l-Ukrajna huwa fil-familja Ewropea  

Brussell  
 
 

Hi u tindirizza t-tieni Laqgħa ta’ bejn il-Kumitati tal-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li filwaqt li l-Ukrajna wriet bi progress sinifikanti fir-riformi li hija lesta għal taħditiet ta’ adeżjoni mgħaġġla biex jimxu aktar, ir-rispons tal-Parlament Ewropew huwa daqstant ċar: l-Unjoni Ewropea trid tkompli timxi 'l quddiem b'determinazzjoni u azzjoni akbar.

       

President Stefanchuk, għażiż Ruslan,
President Lange, għażiż Bernd,
Presidenti, għeżież ħbieb, 

Deħlin fit-tielet sena tal-kollaborazzjoni tagħna. Minn meta ltqajna l-ewwel darba, l-istituzzjonijiet tagħna kkollaboraw mill-qrib ħafna biex immexxu ’l quddiem lill-Ukrajna fit-triq tagħha lejn l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. Dan il-progress sar f’politiki li jvarjaw mill-agrikoltura sat-trasport. 

Għal ħafna minnkom hawn, se tkun l-ewwel darba llum li ltqajtu lkoll f’daqqa wara l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju li għadda. Għalina din hija opportunità biex insiru nafu lil xulxin, issiru midħla tal-mod kif taħdem kull waħda mill-istituzzjonijiet tagħna u, bħala presidenti ta’ kumitat, tallinjaw il-politiki u l-prijoritajiet bil-għan li nkunu nistgħu lkoll kemm aħna nisfruttaw ir-ritmu li qbadna s’issa.

Għeżież kollegi Ukreni: jiena konxja tal-fatt li dan kollu qegħdin tagħmluh fl-aktar kundizzjonijiet devastanti possibbli. Qegħdin taħdmu bla heda fi snin ta’ gwerra brutali mhux biss biex taqdu l-bżonnijiet ta’ pajjiżkom u ta’ nieskom, iżda biex tallinjaw il-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mal-acquis Ewropew. 

Min-naħa tagħna, l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea jibqa’ qawwi u sod favur il-ġlieda tal-Ukrajna għal-libertà. Dan reġa’ affermah il-Parlament tagħna x-xahar li għadda b’riżoluzzjoni li timpenjah li jżomm lir-Russja responsabbli għad-delitti tal-gwerra u favur paċi ġusta, reali u dejjiema għall-Ukrajna. Paċi mibnija fuq il-prinċipji stabbiliti mill-President Zelenskyy. 

Parti minn dan il-futur huwa l-post li bi dritt għandha l-Ukrajna fil-familja Ewropea, u f’din il-laqgħa ż-żewġ leġiżlaturi tagħna jtennu l-impenn tagħhom favur dan l-għan aħħari. Tistgħu tkunu kburin bil-progress diġà sinifikanti li għamlet l-Ukrajna f’din it-triq, b’aġenda ta’ riformi ambizzjuża li, bis-saħħa tagħha, l-allinjament mal-Unjoni tagħna jsir eqreb. Ta’ dan ippermettuli nirringrazzja lil kulħadd fil-Verkhovna Rada, u speċjalment lilkom, għeżież Ruslan u Presidenti, għall-ħidma bieżla tagħkom biex dan seta’ jsir. 
 
Din il-ġimgħa se niltaqa’ mal-Prim Ministru Shmyhal biex niddiskutu l-passi li jmiss fil-proċess ta’ adeżjoni tal-Ukrajna. Il-messaġġ tal-Ukrajna lill-Ewropa huwa qawwi u ċar: urejtu bil-provi li lesti tagħmlu aktar, u b’ritmu aktar mgħaġġel, fi triqitkom lejn l-adeżjoni. U t-tweġiba tal-Parlament tagħna hija daqstant ċara: l-Unjoni tagħna jeħtiġilha timxi ’l quddiem b’saħansitra aktar determinazzjoni u azzjoni kif ukoll tiftaħ l-ewwel ġabra ta’ kapitoli dwar l-aspetti fundamentali li se joħolqu l-pedament tal-adeżjoni tal-Ukrajna. 

F’dan il-Parlament se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nappoġġjaw lill-Verkhovna Rada f’xogħolha: għax id-demokrazija tal-Ukrajna hija l-prijorità ta’ dan il-Parlament. Il-Memorandum ta’ Qbil imġedded li ffirmajt flimkien mal-President Stefanchuk f’Novembru 2023 huwa l-prova ta’ din ir-relazzjoni indistruttibbli. 

Fil-ġimgħat, xhur u snin li ġejjin il-kumitati tagħna se jkomplu jaħdmu flimkien biex din l-ambizzjoni tissarraf f’azzjoni billi jibqgħu f’kuntatt regolari, jitgħallmu minn xulxin u juru fil-prattika r-relazzjoni stretta u konnessa ta’ bejnietna. 

M’hemmx xi ngħidu, fit-triq li għandna quddiemna hemm ħafna sfidi li għad iridu jiġu megħluba. Iżda m’intomx mexjin waħedkom f’din it-triq: l-għarfien u l-kompetenzi tal-leġiżlatura tagħna se jkunu dejjem għad-dispożizzjoni tagħkom. Ħafna mill-Membri hawn preżenti llum kellhom esperjenza diretta tal-proċess ta’ adeżjoni mal-Unjoni tagħna. Lesti nappoġġjawkom f’kull pass li tagħmlu f’din it-triq: fir-risq tajjeb u l-ħażin. Għax jien fiduċjuża li l-aqwa żmien tagħna għadu ġej, f’Ewropa ta’ għaqda u paċi. 

Grazzi.