Magħqudin lejn il-libertà għall-Ukrajna u l-paċi dejjiema għall-Ewropa u d-dinja  

 

Magħqudin lejn il-libertà għall-Ukrajna u l-paċi dejjiema għall-Ewropa u d-dinja  

Kyiv  
 
 

Fil-ġurnata li tfakkar 3 snin mill-invażjoni tar-Russja, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ingħaqdet mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy u mal-mexxejja internazzjonali biex tibgħat messaġġ qawwi ta’ appoġġ.

       

Għażiż Volodymyr,
għeżież kollegi, għeżież ħbieb,    

Konna mal-Ukrajna dakinhar tliet snin ilu. Ninsabu mal-Ukrajna llum. Se nkunu mal-Ukrajna għada.

Issa ninsabu f’punt meta mhux dak li ngħidu jgħodd, iżda dak li nagħmlu. Il-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se jsawru l-futur tagħna, mhux bil-kliem, iżda bl-azzjonijiet li nieħdu proprju hawn fl-Ewropa.

Il-paċi mingħajr libertà mhi paċi xejn. L-Ewropa dan tafu. Se nfittxu dejjem il-paċi, iżda trid tkun paċi ġusta, reali u dinjituża, u bbażata fuq il-prinċipju “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”. Il-kunċett “jirbaħ min hu l-aktar b’saħħtu” mhux se jiddefinixxi l-ordni dinji l-ġdid. Dan mhuwiex possibbli.

Għal tliet snin, l-Ewropa waqfet magħkom u ppermettuli nkun ċara: se nibqgħu determinati f’dan ir-rigward. M’aħna se ninsew qatt dawk il-mumenti f’Kiev, fil-bidu tal-invażjoni, meta d-dinja ratkom tqumu lkoll kemm intom.

Il-Parlament Ewropew kien magħqud sa mill-bidu nett. U flimkien mal-President von der Leyen u mal-President Costa se nitkellmu b’vuċi waħda, għax fhimna li, flimkien, aħna aktar b’saħħitna.

Iżda issa jeħtiġilna nagħmlu aktar. L-Ukrajna jeħtiġilha tkun f’pożizzjoni b’saħħitha, għax hu l-uniku mod kif niksbu paċi u libertà reali. Dak ifisser li l-Ewropa jeħtiġilha ssaħħaħ l-appoġġ tagħha mill-aktar fis, fil-livell militari, finanzjarju u diplomatiku. Jeħtiġilna nagħmlu passi ’l quddiem biex nużaw l-assi Russi ffriżati, inħarrxu s-sanzjonijiet u nżidu l-pressjonijiet. U jeħtiġilna nieħdu bis-serjetà d-difiża tagħna stess – u dan illejla qabel għada.

Ejjew inkunu ċari: il-ġlieda tal-Ukrajna hija l-ġlieda tal-Ewropa. Dan mhuwiex biss attakk fuq l-Ukrajna, huwa attakk fuq id-demokrazija, fuq l-istil ta’ ħajja tagħna, fuq dak kollu li niddefendu. L-Ukreni fl-ewwel linja qegħdin iżommu l-kolp għalina lkoll.

Għaldaqstant, hekk kif l-Ukrajna dieħla fir-raba’ sena ta’ din il-gwerra, jeħtiġilna ma niżvijawx minn triqitna. Jeħtiġilna nitkellmu ċar u tond. Jeħtiġilna ma naqilgħux għajnejna minn fuq l-objettiv komuni tagħna: il-libertà għall-Ukrajna u l-paċi dejjiema għall-Ewropa kollha u għad-dinja.

Slava Ukraini.