Għandna d-dmir li nqumu għall-okkażjoni 

 

Waqt li ndirizzat lill-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Roberta Metsola qalet li t-teħid ta’ pożizzjoni b’saħħitha kontra t-terrur u li jsir kull sforz biex tittaffa l-kriżi umanitarja f’Gaża jistgħu jsiru flimkien.

Grazzi, Charles.

Sinjuri, il-waranofsinhar it-tajjeb. 

L-attakk terroristiku f’Iżrael, il-kriżi umanitarja f’Gaża u t-tensjonijiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani għadhom iqajmu tħassib serju ħafna. L-attakki terroristiċi ta’ Ħamas xeħtu dell skur fuq ir-reġjun kollu kemm hu. Rajtu b’għajnejja stess meta żort il-postijiet fejn saru l-atroċitajiet u ltqajt ma’ min irnexxielu jibqa’ ħaj u li issa jinsab f’luttu. Naf li ħafna minnkom mortu hemm intom ukoll.

Ma jista’ jkun hemm l-ebda skuża – l-ebda ġustifikazzjoni – għall-atti kommessi b’mod deliberat bħal stupri tal-massa, ħtif ta’ persuni, torturi u qtil ta’ komunitajiet sħaħ, ta’ tfal, ta’ nisa u ta’ rġiel, ta’ żgħażagħ jiddevertu. Dan kien attakk terroristiku ta’ organizzazzjoni terroristika li tieħu l-enerġija tagħha mill-mibegħda. Huwa importanti li dan nirrikonoxxuh. 

Bl-istess mod, huwa wkoll importanti nifhmu li Ħamas ma jirrappreżentax l-objettivi leġittimi tal-poplu Palestinjan, anzi jfixkilhom. 

Il-Parlament Ewropew ikkundanna lil Ħamas bl-aktar mod qawwi possibbli.  Nafu li Ħamas irid jitwaqqaf u sħaqna wkoll li l-mod li bih dan isir se jaffettwana lkoll. Il-mod kif Iżrael jirreaġixxi f’dan il-mument huwa kruċjali. 

Bħala Parlament dejjem insistejna u dejjem se nibqgħu ninsistu fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali, li l-konsegwenzi umanitarji li jġibu magħhom l-atti maħsuba biex iwaqqfu lil Ħamas iridu jkunu prijorità u li l-għajnuna trid tkun tista’ tasal għand in-nies innoċenti fil-bżonn. 
Iċ-ċittadini jħarsu wkoll lejn l-Ewropa biex tkompli tieħu azzjoni fil-kriżi ddisprata li qed tiżvolġi f’Gaża, li fiha għadhom jintilfu wisq ħajjiet innoċenti u wisq tfal qed jispiċċaw orfni. 

Bħala Unjoni, għandna responsabbiltà li nibqgħu koerenti u magħquda. Dan ma jfissirx li qegħdin niġġustifikaw aktar imwiet u aktar vjolenza iżda jfisser li nevitaw li t-tensjoni fir-reġjun tiħrax b’mod perikoluż. Jeħtiġilna nħallu mqar xaqq ta’ tama biex, fl-aħħar mill-aħħar, tinstab il-paċi. 

Ħamas ma joffri ebda tama għall-paċi, joffri biss ċarċir ta’ demm. L-azzjonijiet vili tiegħu wasslu biex biegħdu aktar il-prospettiva ta’ paċi b’ħafna snin, jew saħansitra b’deċennji. Kull jum li jgħaddi li fih Ħamas jibqa’ jżomm għandu 200 ostaġġ, huwa jum ieħor aktar ’il bogħod mill-paċi. U fuq dan il-punt jeħtiġilna neżaminaw ukoll ir-rwol tar-reġim Iranjan fir-reġjun. 

Irrid ukoll nisħaq li m’hemm ebda kontradizzjoni fil-fatt li nieħdu pożizzjoni iebsa kontra t-terroriżmu, kif hu dmirna nagħmlu, u li nagħmlu kull sforz possibbli biex intaffu l-kriżi umanitarja f’Gaża, kif hu dmirna nagħmlu wkoll. 
Għalhekk inkomplu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipproteġu l-ħajja tan-nies innoċenti. Għalhekk naħdmu biex neħilsu lill-ostaġġi u biex jirnexxilna ndaħħlu l-għajnuna u għalhekk il-Parlament Ewropew talab li jkun hemm pawża umanitarja biex dan l-għan jintlaħaq. Għalhekk apprezzajna l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ttriplikat l-għajnuna umanitarja. 

Dan kollu jirrigwarda l-immedjat. Fit-terminu itwal, l-Ewropa għandha tkun lesta u disposta li timpenja ruħha. Jeħtiġilna nkomplu nistinkaw għal paċi sostenibbli u dejjiema. Għal soluzzjoni ta’ żewġ Stati li tkun ekwa u ġusta. Hemm rwol li l-Ewropa għandha tiżvolġi u dmirna hu li naġixxu f’din is-sitwazzjoni.

U filwaqt li dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani jibqa’ prijorità fost it-tħassib tagħna, ikollna wkoll nindirizzaw kwistjonijiet urġenti u realtajiet ġeopolitiċi oħra: l-invażjoni brutali u kostanti tar-Russja fl-Ukrajna, dak li ġara fin-Nagorno-Karabakh, it-tensjonijiet fil-Balkani, il-fatt li d-demokrazija fil-Belarussja għadha taħt attakk, ir-rwol tagħna fil-konfront taċ-Ċina, tal-Indja u r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi; dawn kollha se jsawru l-mod kif l-Unjoni Ewropea se tadatta ruħha għall-post li nokkupaw f’din id-dinja l-ġdida. 

Kif nistgħu nindirizzaw il-problemi marbuta mas-sigurtà u mal-migrazzjoni? Kif nistgħu niżguraw il-kompetittività tagħna fuq livell dinji u l-prosperità tagħna fuq livell intern? X’jeħtiġilha tagħmel l-Ewropa biex tibqa’ superpotenza ta’ valuri u waħda li tkun kapaċi tagħti tweġiba lil dak li jinkwieta liċ-ċittadini?

Il-ġimgħa l-oħra, fil-Parlament tkellem il-Prim Ministru Armen, Nikol Pashinyan, dwar it-tensjonijiet ħorox li hemm dan l-aħħar fin-Nagorno-Karabakh. Iddeskriva l-mod kif l-Armenja ħadet ħsieb il-fluss ta’ rifuġjati li daħal fil-pajjiż u esprima tħassib mil-lat tas-sigurtà fir-reġjun; it-triq lejn il-paċi hija diffiċli iżda aħna fiduċjużi li s-sitwazzjoni se tippermetti li jissuktaw taħditiet sinifikattivi f’qasir żmien. 

Dan kollu waqt li tkompli l-invażjoni illegali Russa tal-Ukrajna. Il-Kremlin qed jittama li l-appoġġ tagħna jmajna iżda ma nistgħux u m’aħniex se nħallu li l-għeja tidħol.  L-appoġġ tagħna se jkompli f’termini umanitarji, loġistiċi, militari, politiċi u ta’ rikostruzzjoni. 

Minn hawn u ftit ġimgħat oħra, il-Kummissjoni se tippreżenta l-pakkett ta’ tkabbir mistenni tagħha. L-Ukrajna wriet impenn notevoli biex timplimenta r-riformi demokratiċi u twettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għalhekk, bil-patt li jiġu sodisdatti l-kundizzjonijiet, nibqa’ fiduċjuża li sa tmiem din is-sena jinstab qbil biex jibdew it-taħditiet ta’ adeżjoni bejn l-UE u l-Ukrajna u, skont l-istess kriterji, mal-Moldova. 

L-objettiv li għandna nimmiraw għalih huwa li noffru lill-ġirien Ewropej tagħna prospettiva Ewropea ċara. Iżda filwaqt li l-Ukrajna, il-Moldova u l-Balkani tal-Punent qed jagħmlu r-riformi u jħejju ruħhom għall-passi li jmiss, l-Ewropa wkoll għandha bżonn tlesti ruħha biex tagħmel l-istess. Dan qed isir aspett fundamentali. Ma nistgħux ninqabdu mhux ippreparati. 

Hemm bżonn ukoll li nkomplu nsostnu l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Dan ifisser li se jkun meħtieġ li jinstab qbil dwar il-Faċilità għall-Ukrajna l-ġdida, li tammonta għal €50 biljun, li l-Parlament Ewropew ivvota l-ġimgħa li għaddiet. Bħala Unjoni, urejna għaqda straordinarja fir-rigward tal-Ukrajna u jien fiduċjuża li din se tkompli. 

Dan jimxi id f’id mal-bżonn li nirriformaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tagħna. Jekk għall-2024 irridu baġit li jkun sostanzjali, baġit li jkun adatt għall-iskop, għandna bżonn ir-riżorsi biex insostnuh. Dawn se jiġu biss bi ftehim dwar reviżjoni tal-QFP mill-aktar fis possibbli. 

Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, ir-riżorsi tagħna huma limitati. Il-pandemija, l-invażjoni tal-Ukrajna, it-tibdil fil-klima, il-kriżi tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja kellhom kollha kemm huma r-riperkussjonijiet tagħhom. Iż-żieda fir-rati tal-imgħax għollew l-ispejjeż tas-self fl-ambitu ta’ NextGenerationEU. Insomma, il-punt hu li l-baġit tal-UE laħaq il-limiti tiegħu. 

Għandna naċċertaw li l-prijoritajiet tagħna jirċievu finanzjamenti adegwati. Ilkoll kemm aħna naqblu fuq il-bżonn li nindirizzaw is-sigurtà u l-migrazzjoni, li nkompli nsostnu lill-Ukrajna, li ninvestu aktar flus fl-Istati Membri li ntlaqtu minn diżastri naturali, malajr u b’mod effikaċi. Huwa proprju fil-mument meta l-Istati Membri jduru fuq l-Ewropa għal solidarjetà u għal appoġġ, li jmissna nkunu l-aktar hemm għalihom. 

U hemm bżonn li kliemna jissarraf fir-riżorsi finanzjarji neċessarji biex inwettqu dak li ngħidu. F’dan ir-rigward, ippermettuli nsemmi li jeħtieġ li jsir aktar progress fil-mod kif jiġu introdotti r-riżorsi proprji l-ġodda li diġà qbilna fuqhom fl-2020.

Il-baġit huwa l-minimu meħtieġ biex noffru finanzjamenti liċ-ċittadini tal-Ewropa – lill-bdiewa, lill-istudenti, lill-impriżi u lir-reġjuni tagħna – li jixtiequ jinvestu, ikunu innovattivi, jimmodernizzaw u jiżviluppaw Ewropa li tkun kompetittiva fl-arena globali. B’hekk niġġeneraw tkabbir ekonomiku tassew sostenibbli. Huwa dak li jeħtieġ biex insostnu l-kompetittività tagħna. 

Jekk irridu nibqgħu kredibbli f’dak kollu li ngħidu li rridu nagħmlu, hemm bżonn li naqblu. L-affarijiet mhumiex se jitjiebu jekk nipposponu.

Ippermettuli ftit insemmi suġġett ieħor li ma jistax jiġi pospost: il-migrazzjoni. Dak li ġara dan l-aħħar u ż-żieda fil-persuni li jfittxu ażil li jaslu l-Ewropa wrew, għal darb’oħra, il-konsegwenzi tal-politika frammentarja tagħna fil-qasam tal-ażil u tal-migrazzjoni.

Ritorni aktar effikaċi permezz ta’ pproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet għall-ażil, titjib fil-mod kif isiru r-ritorni kif ukoll koordinament u kooperazzjoni operattivi aktar mill-qrib fost l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE jenħtieġ li jkunu prijorità fid-diskussjonijiet tagħna. Għandhom jingħalqu l-lakuni bejn deċiżjoni negattiva rigward l-ażil u deċiżjoni ta’ ritorn. Dan jista’ jinkiseb bis-saħħa tar-Regolament dwar il-Proċeduri fuq il-Fruntiera. Hemm bżonn isir aktar – fuq livell kollettiv – progress fil-komponenti kollha tal-Patt dwar il-Migrazzjoni biex niżguraw li sa tmiem din il-leġiżlatura dan ikun suċċess.  

F’dawn il-kwistjonijiet kollha ċ-ċittadini jistennew mingħandna riżultati konkreti qabel l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li jmiss. Naf li se jirnexxilna u ppermettuli nserrħilkom raskom mid-disponibblità u mir-rieda tal-Parlament biex jagħti sehmu. 
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: