Irridu niżguraw li l-poplu tal-Ġeorġja ma jitlifx opportunità storika 

 

Waqt li laqgħet lill-President tal-Ġeorġja Salome Zourabichvili fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li rridu naħdmu aktar u eqreb flimkien biex nagħtu status ta’ kandidat tal-UE lill-Ġeorġja, biex niżguraw li l-poplu Ġorġjan ma jitlifx opportunità storika.

Għeżież Kollegi,

Illum għandna magħna, il-President tal-Georgia, Salome Zourabichvili. President, għażiża Salome, merħba fil-Parlament Ewropew. 

Ippermettili nibda, għażiża President, billi nirringrazzjak tal-impenn personali tiegħek fl-appoġġ għas-sejħa Ewropea tas-soċjetà Georgjana. Irridu li jkun hemm il-kundizzjonijiet it-tajba li jippermettu futur fl-UE għaċ-ċittadini Georgjani.

Nixtieq intenni li aħna se nibqgħu nsostnukom, u lesti nappoġġawkom fit-traġitt tagħkom biex issiru parti integrali mill-Unjoni Ewropea.

Jeħtieġ li naħdmu aktar u eqreb flimkien biex il-Georgia tingħata l-istatus ta’ kandidat tal-UE, filwaqt li niżguraw li l-poplu Georgjan ma jitlifx din l-opportunità storika. 

Għal dan il-għan, jeħtieġ li naraw avvanzi tanġibbli fuq għadd ta’ tragwardi: l-iżgurar tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; l-iżgurar tal-libertà tal-media u l-protezzjoni tal-ġurnalisti; u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità personali tad-detenuti; u hawnhekk ippermettuli ntenni li din il-kamra esprimiet ripetutament it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni ta’ Mikheil Saakashvili.

L-Unjoni Ewropea tinsab lesta li tassisti lill-Georgia fil-perkors Ewropew tagħha, billi tipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa matul dan it-traġitt trasformattiv. Iżda sta għall-Georgia li tieħu dak il-perkors u li tagħżel il-futur tagħha stess. 

Sinjura President, għandi ammirazzjoni kbira għas-saħħa li biha tmexxi lil pajjiżek. Aħna fiduċjużi wkoll li inti se tgħin biex ittaffi l-polarizzazzjoni politika u soċjetali fil-Georgia. 

Ejjew inkomplu naħdmu flimkien biex nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-popli Ewropej tagħna u l-futur tas-soċjetajiet tagħna. 

Nagħtik il-kelma.