llum il-Parlament Ewropew fakkar il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst u ta ġieħ lill-memorja tal-vittmi tal-Olokawst. Fil-preżenza tas-superstiti tal-Olokawst Irene Shashar, il-President Roberta Metsola affermat mill-ġdid l-impenn bla waqfien tal-Parlament biex jiġġieled l-antisemitiżmu, ir-razziżmu u forom oħra ta’ intolleranza.
Għeżież kollegi, Għeżież dinjitarji, Għażiża Irene Shashar,
Fl-aħħar ta’ Jannar ta’ kull sena, dan il-Parlament ifakkar l-anniversarju tal-liberazzjoni mill-Kamp ta’ Konċentrament u ta’ Sterminju Nazista ta’ Auschwitz-Birkenau fl-1945. Niftakru fil-vittmi tal-Olokawst.
Niftakru fis-sitt miljun ruħ, fosthom Lhud, Rom, persuni LGBT u bosta oħrajn li tneżżgħu mid-dinjità tagħhom minħabba l-fidi reliġjuża, l-oriġini etnika, ir-razza jew id-diżabbiltà tagħhom.
Iż-żerriegħa li wasslet għal Auschwitz u għall-Olokawst inżergħet ġenerazzjonijiet qabel – b’li jeħlu dawk li m’għandhomx ħtija, bil-bullying u bid-diżumanizzazzjoni. Bdiet bl-ostraċiżmu ta’ dawk meqjusin “differenti”. Bdiet meta l-ħtija ntefgħet fuq “min mhuwiex bħalna”.
Ir-reġim Nazista Ġermaniż stermina 17-il miljun raġel, mara, tifel u tifla u ġiegħel lil miljuni oħrajn iġarrbu tbatija u wġigħ inimmaġinabbli, bis-skiet tal-oħrajn kompliċi tiegħu. Kif qal xi ħadd li baqa’ ħaj: “L-aktar ħaġa tal-waħx kienet l-assenza tal-waħx” ta’ tant nies. Il-kumdità tal-indifferenza fissret li wisq nies għamlu tabirruħhom li ma rawx u dabbru rashom.
Jien kburija li l-Parlament Ewropew mhuwiex post ta’ indifferenza. Jien kburija li din il-Kamra ssemma’ leħinha kontra min jiċħad l-Olokawst, kontra t-teoriji ta’ komplott, kontra d-diżinformazzjoni u kontra l-vjolenza li xjentement tipponta lejn membri tal-komunitajiet tagħna u tiżolahom. Għax, minkejja l-isforzi li saru f’għexieren ta’ snin, għadna ma għamilniex biżżejjed biex niġġieldu d-diskriminazzjoni.
Għażiża Irene,
Huwa unur għalina li tinsab hawn magħna fil-Parlament Ewropew, għal din iċ-ċerimonja solenni ta’ kommemorazzjoni.
Il-Parlament Ewropew jifhem ir-responsabbiltà tiegħu. Fil-filmat, smajna lil Simone Veil tiftakar l-orruri ta’ Auschwitz, bin-numru 7-8-6-5-1 immarkat bi tpinġija taħt ġildha. Baqgħet ħajja wara l-ħażen tal-kampijiet ta’ konċentrament u biddlet wiċċ l-Ewropa moderna.
Iżda, għażiża Irene, ħadd minna ma jista’ jimmaġina l-uġigħ estrem li batejt, u int, li kont “Tifla Moħbija” fil-gwerra – u li ma kellek xejn ħlief lill-għażiża pupa tiegħek Laleczka tagħmillek kumpanija – se nisimgħu l-istorja tiegħek. Se nġorru magħna t-tagħlimiet li se tagħtina. Se niftakru.
Fil-Jum Internazzjonali ta’ Tifkira tal-Olokawst infakkru fl-importanza li l-istejjer bħal tiegħek joħorġu fil-beraħ, illum u għall-ġenerazzjonijiet li se jiġu warajna. Li nħarsu l-valuri tagħna.
L-istorja tal-Ewropa hija storja ta’ ideali u ta’ valuri. Hija storja li fiha għelibna t-traġedja, bnejna pontijiet bejn il-popli, biddilna lill-għedewwa fi sħab u ħbieb u bnejna fuq l-irmied.
Maż-żmien, l-Unjoni tagħna biddlet il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies. Ħattejna ostakli u minflokhom daħħalna valuri komuni. Ksibna l-libertà, żgurajna l-prosperità u offrejna l-opportunità.
Jeħtiġilna nkomplu niftakru fl-istorja tal-Ewropa, niftakru fl-orruri tagħha u ngħożżu r-riżultat li ksibna meta għelibniehom. Inkomplu nifhmu minn fejn ġejna u għaliex u ngħallmu dak li tgħallimna lil uliedna.
Sinjuri, Aħna niftakru.