Se nkomplu ngħinu pajjiżi u reġjuni milquta minn nirien u għargħar 

 

Fid-dawl ta’ nirien kbar u għargħar li qed jikkawżaw qerda kbira f’numru ta’ Stati Membri tal-UE, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-UE se tkompli tagħti għajnuna kruċjali.

Għeżież kollegi, 

Kundizzjonijiet meteoroloġiċi perikolużi ħakmu partijiet enormi tal-Ewropa u kkawżaw ħsara estensiva, qerda u mewt. 

Nirien fil-foresti u għargħar ta’ entità kbira ħallew ħerba sħiħa fl-Istati Membri, fosthom Spanja, il-Bulgarija, is-Slovenja u l-Italja.

Fil-Greċja, b’mod partikolari, għad hemm għargħar devastanti li diġà ħalla warajh mill-anqas ħmistax-il vittma, filwaqt li l-pajjiż kollu nħakem minn bosta nirien.

L-Unjoni Ewropea diġà tat assistenza kruċjali lill-pajjiżi u lir-reġjuni milquta u se nkomplu nagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ.

Għada se niltaqa’ mal-Prim Ministru Kyriakos Mitsotakis. Se ntennilu s-solidarjetà tal-Parlament Ewropew mal-Greċja u mal-poplu tagħha. Se nkomplu niddiskutu wkoll dwar l-assistenza li tista’ tagħti l-UE. 

Ħsibijietna jmorru kollha għal dawk li ħajjithom u l-mezzi ta’ sussistenza tagħhom inqerdu matul is-sajf. Nissottolinjaw li l-istituzzjonijiet tagħna tal-UE se jibqgħu jappoġġjaw lil dawk il-pajjiżi li għandhom bżonn l-għajnuna.