Se nsaħħu l-integrità, l-indipendenza u l-kontabiltà fil-Parlament Ewropew 

 

Waqt li kienet qed tindirizza l-Plenarja fi Strasburgu, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar il-ftehim milħuq mal-mexxejja tal-gruppi dwar l-ewwel pass biex jitjiebu l-integrità, l-indipendenza u l-kontabiltà fil-Parlament Ewropew

Ridt ukoll nitkellem dwar id-deċiżjonijiet meħtieġa rigward il-miżuri f'din il-Kamra biex jiżdiedu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà. 

Il-Parlament Ewropew hu kburi bis-sens ta' ftuħ tiegħu, bl-aċċessibbiltà tiegħu u bil-fatt li jiddefendi proċess leġiżlattiv trasparenti. M'aħniex f'xi torri tal-avorju immaġinarju. Il-prinċipju skont liema s-sens ta' ftuħ jibni l-fiduċja ngħożżuh u niddefenduh.  U kwalunkwe abbuż jew użu ħażin tal-għodda li ħloqna għal dan il-għan irid jiġi indirizzat bil-qawwa, sistematikament u tiġi indirizzata anki kwalunkwe dgħufija potenzjali. 

Dak li ġara f'dawn l-aħħar xhur ġab miegħu l-bżonn li terġa' tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej li nirrappreżentaw. Dan irridu nirrikonoxxuh. U ċ-ċittadini, bir-raġun, jesiġu responsabbiltà u integrità. Aħna se nwieġbu. 

Ix-xahar li għadda wegħidtkom li konna se nerġgħu niġu lura b'sensiela ta' riformi.

Flimkien mal-kapijiet tal-gruppi, qbilna fuq approċċ bħala l-ewwel pass rigward għadd ta' punti li jistgħu jwassluna biex niksbu dak li nixtiequ. Dan hu l-bidu, mhux it-tmiem. Se nibdew bil-miżuri li nistgħu nimplimentaw malajr filwaqt li nagħtu bidu għal proċess ta' riforma aktar fit-tul. U l-konsultazzjonijiet se jkomplu jsiru fuq kull livell. 

Bħala punt ta' tluq, se neżaminaw il-mod kif nistgħu nimplimentaw politika ta' "revolving door", kif nistgħu niżguraw aktar trasparenza. Kif nistgħu ntejbu l-obbligu ta' rendikont u l-kontrolli tar-rappreżentanti tal-interessi, kif nistgħu nikkontrollaw aħjar min ikollu aċċess għall-binjiet tagħna. Se nitolbu aktar trasparenza anki mingħand dawk li jirrappreżentaw l-interessi ta' pajjiżi terzi u minn ex membri. 

Se nixħtu dawl aktar qawwi fuq dak li nagħmlu bħala Membri b'aktar informazzjoni u b'informazzjoni aktar ċara għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Se ninfurzaw regoli li mhuma se jippermettu ebda attività li tista' toħloq taħwid mal-attivitajiet uffiċjali tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-interazzjoni mal-pajjiżi terzi.

Se nagħmlu aktar biex niżguraw li l-pubbliku jkollu informazzjoni ċara dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħna u se niżguraw li jingħata aktar taħriġ dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u l-konformità. Se nagħtu spinta lill-miżuri li jqawwu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u dwar il-mod kif inkunu nistgħu nopponu reżistenza għall-indħil barrani.

Se nsaħħu s-sistemi tagħna, nindirizzaw kwalunkwe lakuna u nkunu onesti u miftuħa f'dan il-proċess kollu kemm hu. 

U dan kollu se nagħmluh waqt li nipproteġu l-libertà tal-mandat tagħna bħala rappreżentanti eletti. Dan m'aħniex se nostakolawh, anzi bil-maqlub, u se nagħmluh u fl-istess ħin se nenfasizzaw ir-rwol importanti u kruċjali li jiżvolġu l-Membri tal-PE fil-proċess deċiżjonali Ewropew u r-rwol tagħna biex ħajjet iċ-ċittadini Ewropej issir ftit aktar sikura, ftit aktar ġusta u ftit aktar ugwali. 

Il-Kamra tagħna tinkarna d-demokrazija parlamentari Ewropea u għandi bżonn l-għajnuna tagħkom biex niżgura li l-pilastri li jżommuha wieqfa jissaħħu. Aħna obbligati lejn iċ-ċittadini tagħna, lejn dawk kollha li ġew qabilna u dawk kollha li se jiġu warajna.

Grazzi.