Fejn hemm rieda politika, naslu: dwar il-migrazzjoni, it-tkabbir, il-baġit tal-UE 

 

"L-Ewropa dejjem biddlet l-istorja. Għandna bżonn doża ta' dak l-ispirtu mill-ġdid", qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt li ndirizzat il-Kunsill Ewropew informali fi Granada.

Grazzi u bonġu lil kulħadd. 

Fl-intervent tiegħi tal-lum nixtieq niffoka fuq xi sfidi fundamentali li għandna quddiemna u fuq il-mod kif il-Parlament Ewropew jista’ jgħin biex dawn jiġu indirizzati. 

Il-migrazzjoni tibqa’ waħda mis-suġġetti l-aktar urġenti li jħassbu lill-Ewropa. Elezzjoni wara l-oħra, tibqa’ waħda mis-suġġetti prinċipali li jħassbu liċ-ċittadini Ewropej fl-Istati Membri kollha. Iżda minkejja das-snin kollha, ma rnexxilniex nirreġistraw biżżejjed progress biex nindirizzaw il-kwistjoni. Fl-aħħar wasalna f’punt li fih għandna soluzzjoni biex inkissru dan iċ-ċirku vizzjuż. Fuq il-mejda għandna proposta li kapaċi twieġeb dak li ċ-ċittadini qegħdin jistennew mingħajr ma ġġegħilhom jistkennu għall-irdoss tal-pożizzjonijiet estremi; proposta li tipproteġi l-fruntieri tagħna u li hija ġusta ma’ dawk li għandhom bżonn protezzjoni, soda ma’ dawk li mhumiex eleġibbli u iebsa max-xbieki kriminali li qegħdin jisfruttaw lill-persuni l-aktar vulnerabbli. Hija proposta perfetta? Ovvja li le. 

Iżda ninsabu eqreb lejn soluzzjoni milli qatt konna u issa li fadal biss sitt xhur minn meta jintemm il-mandat tagħna, nistgħu nsibu ftehim dwar il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil qabel ma tintemm il-leġiżlatura. 

Huma l-kompromessi li jmexxuna ’l quddiem u l-kelma “kompromess” mhijiex kelma dispreġġjattiva. 

L-impenn tal-Parlament Ewropew biex jiffinalizza dan il-pakkett għadu sod: ma nistgħux inħallu li d-dibattitu dwar din il-kwistjoni jerġa’ jiddomina u jippolarizza anki din il-kampanja għall-elezzjonijiet Ewropej, mingħajr ma nippreżentaw l-istrumenti leġiżlattivi li se jservu biex jindirizzawha. 

Anki f’livell politiku, jekk irridu, naslu. Dan rajnieh bil-pandemija u bl-oppożizzjoni soda tagħna għall-invażjoni illegali tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja. Bl-istess mod, qegħdin nindirizzaw l-isfidi klimatiċi, ninqatgħu mill-enerġija Russa, niffissaw standards globali fis-settur diġitali u nitfgħu l-pedamenti għas-snin li ġejjin. 

F’dawn l-aħħar snin għamilna affarijiet li bosta kienu jaħsbuhom impossibbli. U dan nistgħu nerġgħu nagħmluh. 

Ħdimna flimkien b’tali mod li ħalla lill-Unjoni tagħna tikber aktar b’saħħitha, aktar awtonoma u aktar inċiżiva milli qatt kienet fl-imgħoddi. 

Id-dinja qed tinbidel u jeħtiġilna nadattaw ruħna u ninbidlu magħha aħna wkoll. Jeħtiġilna nirsistu biex lill-Ewropa tagħna nagħmluha post ta’ opportunitajiet indaqs, ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni, ta’ prosperità, dinjità u impjiegi, fejn kulħadd jista’ jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, mingħajr diversità fl-aċċess. 
Dan ifisser li nsibu soluzzjonijiet li huma importanti għal ġenerazzjoni ġdida u għal mewġa ġdida ta’ Ewropej u ta’ Stati Membri tal-UE. 

It-tkabbir huwa l-istrument ġeopolitiku l-aktar b’saħħtu li għandha l-Unjoni u speċjalment, f’dan il-kuntest ġeopolitiku l-ġdid, UE akbar, ibbażata fuq objettivi, kriterji u merti ċari, tirrappreżenta investiment fil-paċi, fis-sigurtà, fl-istabbiltà u fil-prosperità fil-kontinent Ewropew. Huwa proċess b’eżitu li jkun ta’ ġid għal kulħadd. 

Għalhekk il-Parlament Ewropew kien talab l-istatus ta’ pajjiż kandidat għall-UE għall-Ukrajna u għall-Moldova. Dan l-istatus lil dawn iż-żewġ nazzjonijiet jagħtihom prospettiva Ewropea ċara u impuls qawwi biex imexxu ’l quddiem ir-riformi demokratiċi. Ħarsa ta’ malajr lejn dawn l-aħħar 20 sena tista’ turi l-poter trasformattiv tat-tkabbir. Għalhekk irridu nagħmlu l-pass li jmiss sal-aħħar tas-sena jekk dawn il-pajjiżi huma lesti. 

Issa wara kliemna, iridu jiġu l-fatti: l-ambizzjoni tagħhom trid timxi id f’id mal-kapaċità u mar-rieda tagħna li ninbidlu. Hemm bżonn nibdew dibattitu ta’ vera dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tal-UE u dwar ir-riformi interni tagħha. U missna ilna li għamilnieh. Jekk dawn l-Istati se jkunu lesti li jsiru membri, jeħtiġilna nkunu lesti aħna wkoll. M’aħna se nsolvu xejn jekk inkomplu nipprokrastinaw. 

Biex dan isir, se jkun meħtieġ li din id-diskussjoni tibqa’ prijorità fl-aġendi tagħna matul il-mandat li jmiss. 
Imbagħad sta għal kull pajjiż kandidat ikompli jirsisti biex jissodisfa l-kriterji ta’ adeżjoni. Se jkollhom isiru sforzi konkreti biex jissolva t-tilwim bilaterali pendenti kollu. 
M’hemmx xi ngħidu, kull pajjiż kandidat se jkun meħtieġ jimxi fit-triq tiegħu: ma nistgħux nikkompromettu l-proċeduri iżda nisħaq ngħid li jeħtieġ li nkunu lesti. Jekk inħallu lil kulħadd imdendel, imbagħad ma għandniex nistagħġbu jekk il-vojt li nħallu jimtela minn ħaddieħor. 

It-tkabbir iwassal għal aktar awtonomija strateġika, l-istess bħal baġit li jkun adatt għall-iskop. 

Rigward il-proposta li għandna għar-reviżjoni tagħna tal-baġit tal-UE nista’ ngħid li l-fondi huma limitati. Il-pandemija, l-invażjoni tal-Ukrajna, id-diżastri naturali u l-kriżi tal-għoli tal-ħajja ħallew effetti qawwijin. Iż-żieda tar-rati tal-imgħax għollew il-kostijiet tat-teħid b’self ta’ NextGenerationEU. L-effett kombinat ta’ dan kollu huwa li l-baġit tal-UE laħaq il-limiti tiegħu. 

U huwa dmir tagħna nirreaġixxu għal din is-sitwazzjoni. 

F’dawn l-aħħar snin id-dinja nbidlet radikalment, u nbidlu wkoll il-prijoritajiet tagħna. 

Naħseb li lkoll kemm aħna nistgħu naqblu li għandna bżonn aktar riżorsi biex nindirizzaw il-migrazzjoni, inkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna fit-tul u b’mod sostenibbli. 

Naqblu lkoll kemm aħna anki fuq l-appoġġ rapidu u effikaċi għall-Istati Membri li ntlaqtu minn diżastri naturali: fil-mument meta l-aktar għandhom bżonn l-Ewropa, jeħtiġilna nkunu lesti. 

U għandna bżonn indaħħlu jdejna fil-but għal dik li hija l-kompetittività tagħna: b’hekk niġġeneraw tkabbir ekonomiku reali u sostenibbli, neċessarju biex insostnu l-ambizzjonijiet tagħna. 

Konna kapaċi nerġgħu nqassmu l-fondi diġà allokati. Imma fil-ġejjieni jeħtieġ li nkunu ċari dwar xi jfisser dan: li nħallu lill-kostijiet tat-teħid b’self tagħna jnaqqru, jew saħansitra jqaċċtu kompletament, il-programmi li jagħmluna kompetittivi u li minnhom jibbenefikaw direttament iċ-ċittadini tagħna, bħal Erasmus u Orizzont, mhijiex strateġija li n-nies se jaċċettaw kif ġieb u laħaq. 

Din il-ġimgħa ċċelebrajna t-33 anniversarju mir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja u, magħha, tal-Ewropa, ġrajja li fl-1990 ġiet imfissra bħala “xejn ħlief miraklu”. Fil-fehma tiegħi, aktar minn miraklu, din il-ġrajja wriet il-kapaċità tal-politika u tad-diplomazija li jsibu soluzzjonijiet. L-Ewropa tikkonsisti f’li niskopru r-rieda politika biex negħlbu l-ostakli u d-differenzi li jidhru impossibbli, li nsibu soluzzjonijiet li jittrasformaw il-ħajjiet, li nsolvu kwistjonijiet ġeopolitiċi interġenerazzjonali u li nbiddlu l-kors tal-istorja. 

Sew fir-rigward tal-migrazzjoni, tal-QFP tagħna jew tat-tkabbir, għandna bżonn nerġgħu nsibu doża ta’ dak l-ispirtu.

Il-Parlament Ewropew lest. Lest li jisma’ l-fehmiet taċ-ċittadini tagħna u jwassallhom il-messaġġi. Lest li jagħti sehmu biex jinvolvi liċ-ċittadini tal-UE. Għaliex dan huwa l-uniku mod kif, fl-aħħar mill-aħħar, jiġi żgurat is-suċċess tar-riformi tagħna. 
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: