Hi u tindirizza s-Summit tal-UE-Balkani tal-Punent, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li t-tkabbir irid iseħħ u dan se jagħmel kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Balkani tal-Punent aktar b'saħħithom u aktar siguri.
Għeżież kollegi, L-appell tal-Parlament Ewropew illum huwa wieħed sempliċi: ejjew ma ninsewx il-kuntest ġenerali. It-tkabbir huwa vjaġġ li jsir flimkien, u l-Pakkett tat-Tkabbir ippubblikat ftit ġimgħat ilu juri li, fuq livell ġenerali, għamilna progress konkret. Naf li f’din is-sala hawn element ta’ frustrazzjoni - jien ukoll inħossni hekk. L-ebda adeżjoni mhi faċli: hemm ħafna fażijiet li jridu jitwettqu u dan, fi proċess meritokratiku, jieħu ż-żmien. Iżda dan ma jfissirx li f’dan il-vjaġġ tinsabu waħedkom. Il-Parlament Ewropew qiegħed isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-parlamenti tagħkom. Ftaħna uffiċċju f’Tirana għar-reġjun kollu, b’nies preżenti fuq il-post jgħinu fl-approssimazzjoni tal-liġijiet. Dan kont wegħidthulkom is-sena li għaddiet. U adottajna strumenti ġodda biex nappoġġjawkom, jiġifieri l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent, tal-valur ta’ EUR 6 biljun, b’finanzjamenti konsiderevoli marbuta mar-riformi. Bi pjaċir nara li l-kooperazzjoni ta’ bejnietna diġà qed tipproduċi valur reali: il-ftehim tar-roaming, id-dħul fiż-żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA), l-“inizjattiva WiFi għall-Balkani tal-Punent” – dawn huma wħud mill-bidliet prattiċi li jagħmlu ħajjet in-nies aħjar u aktar faċli. U jeħtieġ li nagħmlu aktar. L-elezzjonijiet f’pajjiżkom spiss isiru kwistjoni marbuta mal-UE. Jekk irridu nibqgħu kredibbli, jekk irridu nżommu l-fiduċja, in-nies jeħtieġ li jħossu l-vantaġġi tal-integrazzjoni llum. Biex dak isir, iż-żewġ naħat jeħtieġ jibqgħu impenjati totalment. It-tkabbir huwa sitwazzjoni li jgawdi minnha kulħadd u ma nistgħux inkomplu naħlu l-ħin. Ftit ġimgħat ilu kont Ċipru biex nippreparaw għall-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill, u bi pjaċir kbir nara li t-tkabbir huwa prijorità tal-programm ta’ dik il-Presidenza. Iva, kull pajjiż kandidat jeħtieġlu jsegwi l-perkors tiegħu lejn l-adeżjoni mal-UE. Iżda kull tragward li jinkiseb għandu jiġi rispettat. Jekk nifhmu dan ifisser ukoll li naċċettaw il-bżonn li nadattaw. Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tagħna, il-baġit tagħna u l-proċess deċiżjonali tagħna jkunu lkoll lesti għal Unjoni akbar. Dak li jaħdem illum mhux se jkun biżżejjed għal Unjoni li tikber b’terz. Il-Membri adottaw rapport li jispjega l-passi meħtieġa biex inħejju ruħna għat-tkabbir. Fil-Parlament Ewropew, din id-diskussjoni ma nibżgħux minnha. Naħseb ukoll li jeħtieġ nagħmlu aktar fil-pajjiżi tagħna stess biex nindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini u nispjegawlhom għala dan kollu huwa importanti. Huwa faċli li dan jingħad hawn, fost il-ħbieb. L-isfida ta’ vera hija dik li hemm barra minn din is-sala. Il-messaġġ tagħna għandu jkun wieħed ċar: it-tkabbir mhuwiex prospettiva fil-bogħod. Huwa reali, huwa fil-qrib, huwa dak li se jagħmel kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Balkani tal-Punent aktar b’saħħithom, u l-Parlament huwa ċar: it-tkabbir irid isir. Grazzi.