Ċipru jista’ jserraħ fuq il-Parlament biex jagħti riżultati fix-xhur li ġejjin  

 

Ċipru jista’ jserraħ fuq il-Parlament biex jagħti riżultati fix-xhur li ġejjin  

Strasburgu  
 
 

Hekk kif bdiet il-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-UE dan ix-xahar, illum, il-President ta’ Ċipru Nikos Christodoulides indirizza lill-Parlament Ewropew. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-Parlament se jaħdem mill-qrib biex jagħmel ħajjet in-nies aktar faċli.

       

Għeżież kollegi,

Illum huwa pjaċir nerġa’ nilqa’ f’din il-plenarja lill-President ta’ Ċipru Nikos Christodoulides. Din id-darba biex jippreżenta l-programm ta’ attivitajiet tal-Presidenza Ċiprijotta lill-Membri tal-Parlament Ewropew.

Għażiż President, għażiż Nikos, merħba bik. Grazzi talli tinsab hawn magħna. Grazzi tal-ħbiberija tiegħek, tas-sens ta’ tmexxija tiegħek u tal-iskjettezza tiegħek.

Ċipru jieħu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’mument deċiżiv għall-Ewropa u għad-dinja.

Dak li żgur nafu huwa li s-sitt xhur li ġejjin mhumiex se jkunu faċli, imma se nkunu grati li għandna lilek fit-tmun meta l-Ewropa tbaħħar lejn dak li jista’ jinqala’.

L-Ewropa se tibqa’ kkonċentrata biex tiżgura l-kompetittività tagħha, biex tagħmel ħajjet il-familji u l-impriżi aktar faċli u biex taċċerta ruħha li s-sistemi tagħna jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għar-realtajiet tal-lum. Se nkomplu ninvestu u nqawwu l-impenn tal-Ewropa favur is-sigurtà u d-difiża tagħna u niżguraw li leħinna jibqa’ b’saħħtu fix-xena internazzjonali. 

L-istil tagħna se jkompli jgħaddi minn provi u naf li bis-saħħa tal-esperjenza tiegħek taħt pressjoni, l-Ewropa se tkompli turi għaqda, determinazzjoni u ċarezza, u tibqa’ l-boxxla li nafu. 

Minn tifla kburija li ġejja mill-Mediterran għal tifel ukoll kburi li ġej mill-Mediterran, naf li Ċipru jinsab f’qagħda tajba biex imexxina ’l quddiem. Ċipru jgħin lill-Ewropa tingħaqad mad-dinja, jifhem huwa stess ħafna mill-isfidi li għandna quddiemna llum, u jaf kif ilaqqa’ lin-nies biex jibnu soluzzjonijiet li teħtieġ l-Ewropa. 

F’dawn ix-xhur li ġejjin se naħdmu mill-qrib ma’ xulxin. Se nieħdu l-passi li jmiss biex insaħħu l-Patt tagħna dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Se nissemplifikaw il-proċessi tagħna, anki internament, biex l-Ewropa tkun taħdem aħjar għan-nies hekk kif insawru l-baġit fit-tul li jmiss tagħna. U se nsaħħu s-sigurtà tagħna minn kull aspett: mill-prontezza tad-difiża sal-indipendenza tal-enerġija, mill-appoġġ għall-Ukrajna sa li ngħinu biex jinstabu soluzzjonijiet fil-Lvant Nofsani u tissaħħaħ ir-relazzjoni trans-Atlantika. 

U għażiż President, ippermettili ngħid li Ċipru jista’ jkompli jserraħ rasu mill-appoġġ ta’ dan il-Parlament. F’din il-Kamra, ma nitkellmux dwar problema ta’ Ċipru, iżda dwar kwistjoni Ewropea komuni. Il-Parlament Ewropew dejjem se jkun maġenbek favur Stat Ewropew sovran uniku, federazzjoni bikomunitarja u biżonali skont ir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u ankrat fil-valuri komuni tagħna u fid-dritt tal-UE.

Fl-aħħar, għażiż President, ippermettili ngħid kemm hu pjaċir tagħna naraw il-kooperazzjoni eċċellenti bejn il-Presidenza tiegħek u l-Parlament Ewropew diġà matul dawn l-ewwel għoxrin ġurnata. Huwa sinjal tajjeb għall-futur u biex isir malajr progress effikaċi.

Għalhekk, mingħajr ma ntawwal aktar, għażiż Nikos, għażiż President, nagħtik il-kelma.