Illum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet f’Tivat, il-Montenegro għas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-futur tal-Ewropa u tal-Balkani tal-Punent irid ikun wieħed u l-istess.
Grazzi, António. President Milatović, għażiż Jakov, grazzi talli lqajtna hawn fil-Montenegro, pajjiż il-ġmiel tiegħu. Għeżież kollegi, Il-Parlament Ewropew dejjem kien l-akbar sostenitur tat-tkabbir tal-UE. Din il-leġiżlatura mhijiex eċċezzjoni. B’reġjun lest jimxi ’l quddiem u f’mument ġeopolitiku li jirrikjedi dan, quddiemna għandna opportunità reali. Imma dawn l-opportunitajiet ma jibqgħux miftuħin għal dejjem. Hemm bżonn li nużaw din ir-rankatura li dan il-mument ħoloq. It-tkabbir huwa għażla strateġika li jeħtiġilna nagħmlu. Ilkoll kemm aħna ninsabu taħt pressjoni, il-proġett tagħna jinsab marsus minn kull naħa u jekk irridu nirrispondu b’mod li nuru li l-istil Ewropew tagħna ta’ kalma, stabbiltà u prevedibbiltà għadu t-triq it-tajba, allura t-tkabbir huwa l-aqwa risposta li nistgħu nagħtu lill-ħbieb u lill-għedewwa tagħna. Għandi żewġ punti x’nagħmel illum. L-ewwel għandu x’jaqsam ma’ dik li nsejjaħ integrazzjoni “prattika”. Biex ikomplu jemmnu fil-proċess ta’ tkabbir, bħala possibbiltà reali minflok bħala ħolma fil-bogħod, il-persuni għandhom jaraw il-progress. Għandhom iħossu l-benefiċċji ġejjin mit-tkabbir u jaraw ’il fejn se toħodna din it-triq. Għalhekk il-Parlament Ewropew adotta b’ħeffa liema bħalha r-Regolament ta’ EUR 6 biljun dwar il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent. U biex inkun ċara: dan l-appoġġ mhuwiex biss marbut mar-riformi, iżda anki ma’ integrazzjoni akbar fi ħdan ir-reġjun stess, inklużi l-finanzjamenti għat-trasport, għall-infrastrutturi u għall-konnettività tal-enerġija. Ilbieraħ il-Kummissjoni rċeviet il-mandat biex tibda negozjati mal-pajjiżi tagħkom biex iddaħħal lis-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent fir-reġim ta’ roaming b’tariffa nazzjonali “Roam Like at Home” tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew insista fuq din il-miżura u jiena kuntenta li finalment wasalna f’dan il-punt. Nifhem ukoll il-loġika wara formati ta’ “osservatur” proviżorju jew assoċjat. Jistgħu jkunu utli flimkien ma’ aċċess gradwali fis-suq uniku tal-UE abbażi tal-progress li jsir fir-riformi interni. Iżda ma jistgħux jieħdu post l-adeżjoni u rridu nkunu ċari fuq il-fatt li dan hu pass lejn l-adeżjoni u mhux mod kif nittardjaw l-adeżjoni. Dak jorbot mat-tieni punt tiegħi: il-paramentri ta’ riferiment għall-adeżjoni. It-tkabbir hu u għandu jibqa’ proċess meritokratiku. Naf kemm xi kultant huwa frustranti, iżda l-ħarsien tal-istat tad-dritt, tal-pluraliżmu u tad-drittijiet fundamentali huwa neċessarju. Huma l-elementi li fuqhom jinbnew l-affarijiet kollha l-oħra. Iżda mhuwiex vjaġġ li jkollkom tagħmlu waħedkom. Fil-Parlament Ewropew naħdmu mill-qrib mal-parlamenti tal-pajjiżi tagħkom f’dak li għandu x’jaqsam mal-approssimazzjoni leġiżlattiva u biex tilħqu d-diversi tragwardi. Tistgħu torbtu fuq l-appoġġ tal-Parlament Ewropew. Nixtieq ukoll naħtaf din l-opportunità biex nisħaq fuq ir-rwol tal-Istati Membri. Se jkun fundamentali li tiġi stabbilita kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali u maċ-ċittadini fid-diversi pajjiżi, sabiex l-appoġġ neċessarju għall-istadji li jmiss jiġi żgurat minn fażi bikrija u b’mod adegwat. Dak se jkun importanti f’kull fażi tat-tkabbir, inkluża u eventwalment fir-ratifika tat-trattati ta’ adeżjoni. Għax jekk pajjiż kandidat iwettaq ir-riformi u jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni, anki l-Ewropa jeħtiġilha tagħmel il-parti tagħha. It-tkabbir mhuwiex qisu xi rigal jew att ta’ karità. Huwa triq bidirezzjonali, igawdi minnu kulħadd u ma nistgħux noħolqu aspettattivi mingħajr ma niksbu riżultati. U jekk ma niħdux azzjoni, m’hemmx f’riskju l-kredibbiltà tagħna biss, iżda wkoll is-sigurtà u l-istabbiltà tal-viċinat immedjat tagħna u, b’estensjoni, dik tal-Ewropej kollha. Grazzi.
You may find here the transcriptions of her speech per language: