Hi u tilqa' lill-Prim Ministru tal-Armenja Nikol Pashinyan fil-Parlament Ewropew, il-President Roberta Metsola qalet li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Armenja u l-Ewropa tiġi fi żmien kritiku għal kulħadd.
Għeżież kollegi, Huwa unur nilqa’ fil-Parlament Ewropew illum lill-Prim Ministru tal-Armenja Nikol Pashinyan. Prim Ministru, għażiż Nikol, merħba bik lura f’din il-Kamra. Meta indirizzajtna l-aħħar darba, f’pajjiżek kont tajt bidu għal relazzjonijiet aktar approfonditi mal-Unjoni Ewropea. Minn dak iż-żmien imxejna triq twila. Mill-kooperazzjoni akbar tagħna permezz tal-Aġenda Strateġika sal-appoġġ tagħna għall-forzi Armeni permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi. U qegħdin ukoll immorru lil hinn, billi naqblu bejnietna fuq pjanijiet biex inwittu t-triq għall-ivvjaġġar mingħajr viża u nippjanaw bil-quddiem is-Summit tal-Komunità Politika Ewropea u s-Summit UE-Armenja ta’ Mejju. Il-kooperazzjoni mill-qrib tagħna waslet f’mument kritiku għal kulħadd. Fl-Ukrajna, l-invażjoni brutali Russa għadha kemm daħlet fil-ħames sena tagħha. U fl-Iran, qed naraw lin-nies jinvokaw b’kuraġġ il-libertà. F’dan il-mument, l-Ewropa u l-Armenja huma magħqudin fl-isforzi tagħhom għall-paċi u għall-istabbiltà. Nirringrazzjak tal-assistenza fil-faċilitazzjoni tal-evakwazzjoni taċ-ċittadini Ewropej mill-Iran. Nirringrazzjak tal-impenn tiegħek għall-paċi u tar-rwol ta’ tmexxija tiegħek biex jinstabu soluzzjonijiet. Qegħdin ukoll nikkollaboraw ma’ pajjiżek għall-elezzjonijiet li se jsiru aktar tard din is-sena. Ilkoll kemm aħna nafu l-livell mingħajr preċedent tat-theddid irrappreżentat mid-diżinformazzjoni u mill-indħil fil-proċessi demokratiċi kullimkien. Issa li l-Armenja qed tħejji ruħha għall-elezzjonijiet, l-Ewropa qed tintensifika l-appoġġ tagħha għad-demokrazija u għas-sigurtà tal-Armenja b’pakkett ta’ EUR 15-il miljun. Nappoġġjaw bis-sħiħ il-forniment rapidu ta’ assistenza mill-esperti tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu. U din il-Kamra diġà qed tikkollabora mal-Assemblea Nazzjonali biex issostni d-demokrazija, billi lill-Armenja tqisha pajjiż prijoritarju għas-sostenn għad-demokrazija. Id-diskussjoni tal-lum hija pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba. Aħna ħerqanin biex insiru nafu l-viżjoni tiegħek dwar il-futur ta’ pajjiżek u tal-Ewropa.