L-Ewropa ma tistax tiffaċċja era ġdida b'baġit antik - Il-President Metsola lill-mexxejja tal-UE f'Ċipru  

 

L-Ewropa ma tistax tiffaċċja era ġdida b'baġit antik - Il-President Metsola lill-mexxejja tal-UE f'Ċipru  

Ċipru  
 
 

Fil-Laqgħa Informali tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE f'Nikosija, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat tliet suġġetti ewlenin: is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, il-Pjan Direzzjonali 'Ewropa Waħda Suq Wieħed' u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

       

Grazzi, President Costa, u grazzi, President Christodoulides, talli organizzajtu dan id-dibattitu u għat-tmexxija tagħkom f’dawn iż-żminijiet diffiċli. 

Bonġu lil kulħadd.

Għandi tliet punti x’nagħmel illum. L-ewwel huwa r-risposta tagħna għar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-kriżi fil-Lvant Nofsani. It-tieni għandu x’jaqsam mal-valutazzjoni min-naħa tal-Parlament tal-pjan direzzjonali “Ewropa Waħda, Suq Wieħed”, u t-tielet huwa dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

Imma qabel ma nibda, nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-adozzjoni tal-għoxrin pakkett ta’ sanzjonijiet u għall-iżblokk tas-self ta’ EUR 90 biljun favur l-Ukrajna, li l-Parlament kien ivvota u approva xahrejn ilu. Nifhem li l-attenzjoni tagħna hija indirizzata lejn il-Lvant Nofsani, imma f’dinja dejjem aktar instabbli, is-sens ta’ tmexxija jitkejjel mill-kapaċità li naffrontaw kriżi mingħajr ma nagħtu daharna lil oħra. Dan qed nuruh bil-provi.

U dan iwassalni għall-ewwel punt tiegħi: il-prezzijiet tal-enerġija u l-Lvant Nofsani. 

Għaddew sbatax-il ġurnata mindu beda, imma l-waqfien mill-ġlied għadu fraġli – ilkoll kemm aħna narawh – iżda joħloq il-kundizzjonijiet għat-taħditiet u jrid jibqa’ fis-seħħ. Iltqajt mar-rappreżentanti tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, inkluż is-Segretarju Ġenerali tagħhom, biex noffri l-appoġġ tal-Parlament Ewropew, u naf li intom ukoll se tiltaqgħu miegħu llum flimkien mas-sħab reġjonali. Nikos, Ċipru huwa l-fanal tal-Ewropa fir-reġjun, u l-Presidenza Ċiprijotta qed turi li hija pont fundamentali lejn il-Lvant Nofsani. 

Ilkoll kemm aħna rridu l-istess ħaġa: li l-gwerra ma ddumx ma tispiċċa u tispiċċa b’mod definittiv, li l-konklużjoni tagħha tiggarantixxi drittijiet, dinjità u libertà lill-poplu Iranjan, li tindirizza t-tħassib dwar il-programm nukleari u tal-missili ballistiċi tal-Iran u l-appoġġ għalihom mingħand il-forzi bi prokura, u li ġġib fi tmiemhom l-ostruzzjonijiet fl-Istrett ta’ Hormuz. Madankollu, għadna naraw lir-reġim Iranjan iwettaq eżekuzzjonijiet arbitrarji jew iżomm f’detenzjoni lid-dissidenti, fosthom ir-rebbieħa tal-Premju Nobel Narges Mohammadi, li reġgħet ġiet ikkundannata seba’ snin u nofs priġunerija fi Frar li għadda. Huwa importanti li dawk in-nies kollha u l-familji tagħhom jaraw li l-Ewropa ma nsithomx.

Il-libertà ta’ navigazzjoni trid terġa’ tiġi stabbilita, u nilqa’ l-koalizzjoni li qiegħda tikber ta’ sħab li qed jikkooperaw f’dan ir-rigward u turi l-kapaċità tal-Ewropa li tindirizza kriżi li ma pprovokajniex aħna, iżda li jeħtiġilna naffrontaw – u f’dan il-każ ukoll naraw kemm hu importanti għalina li jkollna strateġija ċara għall-Artikolu 42(7) fl-ambitu tas-sett ta’ għodod Ewropew tagħna fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà. 

F’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet tal-enerġija, rajt il-proposti tal-Kummissjoni u naqbel mal-fatt li għandna bżonn miżuri ta’ sostenn temporanji u mmirati. Malajr. Imma aħna u naġixxu għall-preżent, ma nistgħux nittraskuraw dak li hu importanti għall-futur. Ma għandniex insewwu dak li ma nkisirx. 

Ir-regoli rigward il-ħżin tal-gass li introduċejna erba’ snin ilu stabbilizzaw is-swieq, saħħu l-fiduċja u tejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. U l-għażla tagħna li niddiversifikaw it-taħlita enerġetika tagħna u nnaqqsu d-dipendenza qed tagħti l-frott. Il-pajjiżi li llum qed jirreżistu aħjar huma dawk b’aktar enerġija rinnovabbli, kapaċità nukleari aqwa u anqas dipendenza mill-gass. 

Dan ma ġarax b’kumbinazzjoni. Ġara għax ħadna deċiżjonjiet għaqlin biex insiru aktar reżiljenti, aktar indipendenti u anqas esposti għax-xokkijiet. L-istrateġija fit-tul tagħna qed taħdem. Jeħtieġ li nibqgħu fir-rotta.

Dak ifisser aktar investimenti fl-infrastrutturi biex niżguraw li jaħdmu. Il-Parlament diġà qiegħed jagħmel progress fil-ħidma tiegħu dwar il-Pakkett dwar il-Grilji, li se jimmodernizza n-networks tagħna biex isostni enerġija aktar nadifa u deċentralizzata, u nipprevedi li se nikkonkluduh fit-tieni nofs tas-sena. Il-mod kif dawn il-proposti jintlaqgħu huwa importanti biex il-proċess leġiżlattiv jaħdem mingħajr intoppi.

Ifisser wkoll li nżommu mentalità miftuħa rigward il-mod kif niġġeneraw l-elettriku tagħna. L-istrateġija tal-Kummissjoni dwar ir-reatturi modulari żgħar u r-reatturi modulari avvanzati hija pass f’dik id-direzzjoni. Dan huwa punt li fuqu l-Parlament Ewropew insista, u lesti naġixxu malajr biex isir realtà. 

It-tieni punt: il-pjan direzzjonali “Ewropa Waħda, Suq Wieħed”.

F’Alden Biesen, fi Frar, qbilna li fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu konna se nieħdu deċiżjonijiet u niffissaw skadenzi. Wasalna fil-punt li fih l-impenji jridu jissarrfu f’riżultati konkreti.

Jiena grata lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-kooperazzjoni tagħhom biex ilestu dan il-pjan direzzjonali. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi, naħseb li t-timijiet tagħna ħadmu tajjeb u ma damux. Il-proċess seta’ kien aħjar, u itwal. Uħud mill-gruppi politiċi xtaqu wkoll li ssir aktar enfasi fuq l-investimenti, l-akkomodazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, id-dimensjoni soċjali u l-bżonn li jiġu indirizzati l-ostakli nazzjonali u r-regolamentazzjoni żejda. 

Iżda minkejja dan, huwa pjan ambizzjuż li jsaħħaħ il-kapaċità tagħna li nirreżistu għax-xokkijiet u jwettaq dak li kien intqal fid-Dikjarazzjoni Konġunta. Din hi l-Ewropa li tirrispondi għal dak li għandha bżonn.

Rigward il-fajls prijoritarji tal-pjan direzzjonali, il-Parlament Ewropew se jagħmel xogħlu. U se jagħmlu sew. Iżda għandna bżonn l-ispazju – u l-fiduċja – biex nagħmlu xogħolna sew, jiġifieri sorveljanza demokratika u leġittimità. Is-720 Membru tal-Parlament Ewropew li ġejjin minn aktar minn 200 partit politiku mhumiex se jillimitaw ruħhom, la issa u la qatt, li jagħtu biss approvazzjoni formali.  

Issa għandna skadenzi indikattivi għall-fajls prijoritarji u impenn politiku biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nirrispettawhom, fir-rispett sħiħ tal-proċess leġiżlattiv – dan hu fundamentali – u hemm xi fajls li għadhom ma ġewx proposti. Għalhekk, ngħidilkom bil-quddiem li l-Parlament Ewropew mhuwiex se jaċċetta li jitqiegħed taħt pressjoni jekk il-proposti ma jiġux ippreżentati f’ħin utli u ma jinkitbux sew. L-ambizzjoni hija ħaġa pożittiva, imma l-istess jgħodd għar-realiżmu. Huwa d-dmir tagħna fil-konfront taċ-ċittadini.

Dan diġà għedtu fil-passat: il-biċċa l-kbira tan-nies tara lill-Ewropa bħala sistema waħda u tiġġudikaha abbażi ta’ kriterju wieħed: jekk tikseb riżultati. Irridu naħdmu flimkien.

Dan jorbot mal-aħħar punt tiegħi: il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-membri tal-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew approvaw b’maġġoranza kbira l-pożizzjoni ta’ negozjar tagħna dwar il-baġit fit-tul li jmiss. Il-ġimgħa d-dieħla se tivvota l-plenarja. Dan jippermettilna nidħlu fin-negozjati mal-Kunsill, ladarba jadotta l-mandat tagħhom. Għalhekk, f’April, se jkollna l-pożizzjoni tagħna, se nkunu nafu xi rridu u se nkunu lesti.

Qabel ma nkompli, ippermettuli niċċara żewġ affarijiet. L-ewwel nett, ir-rapport tal-kumitat tagħna mhuwiex iqiegħed f’dubju l-istruttura ġenerali tal-baġit il-ġdid. Aħna favur enfasi akbar fuq il-kompetittività u d-difiża. Dak li qed nitolbukom huwa li tibqgħu miftuħin għall-idea ta’ riżorsi proprji ġodda. U t-tieni, ma nistgħux nippretendu li l-ġenerazzjonijiet li jmiss iħallsu d-dejn tal-passat. Rigward NextGenerationEU, jeħtieġ niżguraw li l-ħlas lura u l-imgħax ma jikkompromettux l-ambizzjonijiet futuri tagħna. Għal darb’oħra, il-miżuri fit-terminu qasir ma għandhomx joħolqu problemi fit-terminu twil.

Ippermettuli nikkonkludi b’dan: l-Ewropa ma tistax taffronta era ġdida b’qafas antikwat. Il-baġit attwali wasal sal-limiti estremi tiegħu minħabba kriżijiet li qatt ma kien maħsub biex jassorbi. Għamilna mod li jaħdem, iżda l-limiti tiegħu qed narawhom. Ma nistgħux inkomplu nirreaġixxu għal dinja li qed tinbidel b’għodod obsoleti. Dak li għandna bżonn issa huwa baġit adatt għall-iskop, lest jintervjeni fejn u meta hemm l-aktar bżonn.

Grazzi.