Hi u tilqa' lill-Maestà Tiegħu r-Re Abdullah II tal-Ġordan fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa hija grata għall-impenn tal-Ġordan għall-istabbiltà u l-paċi fil-Lvant Nofsani, u li se nkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna hekk kif naħdmu biex innaqqsu t-tensjonijiet u ninsistu għall-paċi.
Il-waranofsinhar it-tajjeb, għeżież kollegi, Huwa unur għalija nilqa’ fostna lill-Maestà Tiegħu, ir-Re Abdullah II tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, għal darb’oħra fil-Parlament Ewropew. Maestà, din mhijiex l-ewwel darba li qed tindirizza lil din il-Kamra u, kull darba, il-kliem ta’ ispirazzjoni tiegħek iħalli impatt dejjiemi fuq dawk kollha li jisimgħuh. Aħna grati li kull darba li jidher li d-dinja tinsab f’punt ta’ inflessjoni, mexxejja bħall-Maestà Tiegħek ikunu jistgħu jiġu hawn u juru mod kif l-umanità komuni tagħna timxi ’l quddiem. Għaxar snin ilu, matul l-orrur li kkawża Da’esh, jien kont hawn meta għedtilna: “Id-dinja tagħna qiegħda tħabbat wiċċha ma’ aggressjoni minn terroristi b’ambizzjoni bla ħniena. Ir-raġuni mhijiex il-fidi, iżda l-poter; jiġru wara l-poter billi jfarrku lill-pajjiżi u lill-komunitajiet f’kunflitti settarji, u jġiegħlu lin-nies ibatu fid-dinja kollha.” Kliemek dewa f’din il-Kamra u lil hinn. U, minn dak iż-żmien, l-urġenza tar-responsabbiltà komuni tagħna kontra t-theddid tal-estremiżmu kompliet tikber. Ħames snin ilu, meta d-dinja kellha quddiemha kriżijiet oħra, kont hawn biex tfakkarna lkoll li meta niddedikaw ħajjitna għas-servizz tal-oħrajn inkunu qed ngħixu ħajja b’mod sħiħ – iżda biss jekk nissodisfaw l-aspettattivi tan-nies li nirrappreżentaw. Dan il-kliem kien jgħodd għalina lkoll dak iż-żmien u għadu validu sal-ġurnata tal-lum. Maestà, f’isem din il-Kamra, nixtieq infaħħar lilek u lill-pajjiż kbir tiegħek għall-impenn tiegħu favur l-istabbiltà u l-paċi fil-Lvant Nofsani. Napprezzaw l-isforzi kruċjali li għamel il-Ġordan biex inaqqas it-tensjonijiet fir-reġjun, jinsisti fuq waqfien mill-ġlied f’Gaża, jappoġġja lix-Xatt tal-Punent, u dak kollu li intom għamiltu għall-morda, biex l-ostaġġi jerġgħu lura f’darhom, biex tiffaċilitaw l-għajnuna umanitarja tant meħtieġa għal dawk li tant għandhom bżonnha, u għall-appoġġ sod tagħkom lir-rifuġjati Palestinjani u Sirjani u favur is-soluzzjoni ta’ żewġ Stati bħala triq lejn paċi dejjiema. Din il-ġimgħa l-G7 tenna li l-Iran ma għandux ikollu l-bomba nukleari, u b’dak li qiegħed jiġri bejn Iżrael u l-Iran f’dawn l-aħħar jiem u l-effetti konsegwenzjali potenzjali tiegħu, ir-rwol tal-Ġordan sar saħansitra aktar fundamentali. Dawn l-isfidi jitolbu rabtiet aktar b’saħħithom u relazzjoni mġedda bejn l-Ewropa u l-Lvant Nofsani hekk kif ninsistu biex jitnaqqsu t-tensjonijiet f’livell ġenerali. Maestà, il-Ġordan mhuwiex biss ħabib kbir ta’ dan il-Parlament iżda wkoll sieħeb importanti tal-Unjoni Ewropea. Nilqgħu s-Sħubija Komprensiva u Strateġika bejn l-UE u l-Ġordan li ġiet iffirmata fil-bidu ta’ din is-sena. Tirrappreżenta tragward politiku importanti fir-relazzjonijiet bilaterali tagħna u tirrifletti l-impenn komuni tagħna fil-konfront tal-istabbiltà reġjonali u tal-kooperazzjoni ekonomika. F’dan il-Parlament, nistennew b’ħerqa li nkomplu nibnu fuqha, fuq il-valuri, fuq l-aċċess għas-suq, fuq il-kummerċ. Għax anki jekk il-popli tagħna ġejjin minn pajjiżi differenti kif qiegħed tara quddiemek, jaf għandhom stejjer differenti u jkollhom perspettivi differenti, fl-aħħar mill-aħħar iridu lkoll l-istess ħaġa. Iridu l-paċi. Iridu jħossuhom siguri. Iridu li jkollhom possibbiltà ġusta li jirnexxu fil-ħajja. L-istess aspirazzjonijiet li s-sħubija tagħna timmira li tikseb. Maestà, huwa tassew pjaċir kbir tiegħi li nagħtik issa l-kelma.