L-Ewropa trid tieħu passi 'l quddiem b'ideat ġodda u kuraġġużi  

 

L-Ewropa trid tieħu passi 'l quddiem b'ideat ġodda u kuraġġużi  

Strasburgu  
 
 

Fil-ftuħ tad-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew, il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament u n-nies li jirrappreżenta huma ħerqana ħafna biex jisimgħu kif l-Ewropa tista' tieħu passi 'l quddiem b'ideat ġodda u kuraġġużi.

       

Bonġu lil kulħadd.

Bi pjaċir nilqa’ lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fil-Parlament Ewropew għad-diskors annwali dwar l-Istat tal-Unjoni. Għażiża Ursula, nirringrazzjak talli tinsab magħna llum u tal-impenn tiegħek ma’ din il-Kamra.

F’dawn iż-żminijiet liema bħalhom, għandna bżonn ċarezza u għandna bżonn determinazzjoni. Għandna bżonn Ewropa li terfa’ r-responsabbiltà għas-sigurtà tagħha, Ewropa li lill-impriżi tagħmlilhom ħajjithom aktar faċli u li tipproteġi lill-impjiegi billi tissemplifika l-proċessi tagħna u tnaqqas il-burokrazija żejda, Ewropa li tkun aktar ġusta għall-familji, għall-ħaddiema u għan-nisa, li tiżgura toroq aktar sikuri għal uliedna u Ewropa li tiddefendi l-valuri demokratiċi li jiddefinuna fix-xena internazzjonali.

Meta d-dinja spiss wisq tinħass li saret ħuġġieġa, bl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bis-sitwazzjoni orribbli f’Gaża u fil-Lvant Nofsani, b’relazzjoni trans-Atlantika ridefinita u b’aktar impenn min-naħa tal-Ewropa fid-dinja, dan il-Parlament u ċ-ċittadini li nirrappreżentaw jistennew b’interess kbir biex jisimgħu kif l-Ewropa tista’ tissaħħaħ b’ideat ġodda u kuraġġużi.

Naf li dan id-dibattitu, bħal dejjem, se jkun wieħed vivaċi u mqanqal u li se jkun ibbażat fuq ir-rispett reċiproku, li jħares id-dinjità ta’ din il-Kamra. 

Għażiża President, għażiża Ursula, nagħtik il-kelma.