Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lil Mario Draghi fis-Sessjoni Plenarja, qabel diskussjoni dwar il-futur tal-kompetittività tal-Ewropa. “Ħadd m’għandu jitħalla lura fl-Ewropa,” enfasizzat fl-introduzzjoni tagħha.
Għeżież kollegi,
Magħna llum għandna lill-ex Prim Ministru tal-Italja u ex President tal-Bank Ċentrali Ewropew, is-Sur Mario Draghi, biex jippreżentalna r-rapport tiegħu dwar il-Futur tal-Kompetittività Ewropea.
Sur Draghi, għażiż Mario, nilqgħak fil-Parlament Ewropew.
Aħna u deħlin f’leġiżlatura ġdida, ir-rapport tiegħek jasal f’mument kruċjali fid-diskussjonijiet tagħna. Jeħtieġ li nsarrfu fi programm politiku l-messaġġi elettorali li bagħtulna l-eletturi tagħna. Programm li jkun serju, li jista’ jinkiseb u li jista’ jiġi implimentat.
Biex ikun serju: irid jgħin lill-industriji tagħna fit-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tagħhom, billi jħaddan kull settur, biex jippermetti li jkun hemm tkabbir ekonomiku aktar rapidu, impjiegi ta’ kwalità u bażi industrijali soda kapaċi tikkompeti fuq livell dinji.
Biex ikun jista’ jinkiseb: irid joħloq l-oqfsa u l-kundizzjonijiet adegwati biex l-istart-ups u l-SMEs tagħna jikbru u jibqgħu fl-Ewropa. Dan ifisser iżjed produttività, innovazzjoni u aċċelerazzjoni fl-investimenti fil-kapaċitajiet industrijali proprji; ifisser tnaqqis tal-burokrazija żejda, li taf iżżommna lura. Ifisser ukoll li għandna bżonn inqawwu s-suq uniku tagħna, u niżguraw kundizzjonijiet ekwi permezz ta’ approċċ integrat f’dak li għandu x’jaqsam mal-politiki.
U biex il-programm tagħna ikun jista’ jiġi implimentat: jeħtieġ li lkoll kemm aħna naħdmu flimkien fuq il-mod kif niffinanzjaw dawn il-bżonnijiet.
Qabel kollox, hemm bżonn li ninvestu fiċ-ċittadini tagħna. Biex inkunu nistgħu nilqgħu għall-isfidi tal-era diġitali u nibbenefikaw bi sħiħ mit-tranżizzjoni ekoloġika, hemm bżonn li ngħammru lilna nfusna bil-ħiliet neċessarji. Jekk nagħmlu enfasi fuq l-edukazzjoni, inkunu qed inpoġġu liċ-ċittadini fil-qalba tal-politiki tagħna. F’dak li għandu x’jaqsam mal-progress fil-politiki kollha, ħadd ma għandu jitħalla lura. Ma nistgħux inħallu lilna nfusna nitilfu l-okkażjoni, u lanqas intellfuha liċ-ċittadini tagħna.
Sur Draghi, il-Parlament Ewropew jistenna b’interess li jisma’ l-proposti tiegħek dwar il-mod kif nistgħu nqarrbu ftit aktar lill-Ewropa lejn dik li ċ-ċittadini jixtiequ li tkun; biex ħajjiethom ikunu aktar faċli, biex l-ispazju komuni tagħna jkun aktar sikur u biex l-Ewropa tagħna tkun aħjar, aktar b’saħħitha u aktar ġusta għall-Ewropej kollha. Nagħtik il-kelma.