L-Ewropa teħtieġ ambizzjoni kondiviża aktar minn qatt qabel - Il-President Metsola tilqa' lill-Prim Ministru tal-Lussemburgu Luc Frieden  

 

L-Ewropa teħtieġ ambizzjoni kondiviża aktar minn qatt qabel - Il-President Metsola tilqa' lill-Prim Ministru tal-Lussemburgu Luc Frieden  

Strasburgu  
 
 

Hi u tilqa' lill-Prim Ministru tal-Lussemburgu Luc Frieden fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa trid tagħmel aktar biex tipproteġi lin-nies tagħha, tagħmel il-ħajjiet aħjar u inqas ikkumplikati.

       

Prim Ministru, għażiż Luc,
Għeżież kollegi,

Huwa pjaċir kbir għalija nħabbar li Luc Frieden, il-Prim Ministru tal-Lussemburgu, se jingħaqad magħna llum. Għażiż Luc, merħba bik u grazzi talli aċċettajt l-istedina tagħna biex tindirizza lil din il-Kamra fis-sensiela ta’ dibattiti “Din hija l-Ewropa”.

Bħala membru fundatur tal-Unjoni tagħna, il-Lussemburgu kien mutur ta’ Ewropa aħjar sa mill-bidu nett. Huwa l-post fejn twieldu l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Ftehim ta’ Schengen kif ukoll ta’ dan il-Parlament, fejn ir-rappreżentanti eletti tal-Ewropa jsawru l-futur kollettiv tagħna.

Ġimgħa ilu kelli l-unur inżur il-Lussemburgu fl-okkażjoni tat-tlugħ fuq it-tron tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Guillaume, fejn fakkartuni, għal darb’oħra, fl-identità unika ta’ patrimonju u tradizzjoni ta’ pajjiżkom, flimkien ma’ prospettiva kuraġġuża u b’viżjoni fil-bogħod. Tassew inkarnazzjoni tal-ispirtu Ewropew proprju fil-qalba tal-kontinent tagħna. 

Prim Ministru, għażiż Luc, nirringrazzjak talli llum ġibt miegħek dan l-ispirtu fil-Parlament. Is-sens ta’ tmexxija u l-inizjattiva tiegħek huma fundamentali biex tinbena Ewropa aktar sigura u sovrana, filwaqt li l-għarfien espert fil-qasam ekonomiku huwa kruċjali biex l-Unjoni tagħna ssir aktar kompetittiva u ċ-ċittadini tagħna aktar prosperi. U f’dak li għandu x’jaqsam mal-isfidi importanti ta’ żmienna, mit-tisħiħ tas-sigurtà tagħna sal-espansjoni tas-suq uniku tagħna, naf li din il-Kamra tista’ sserraħ rasha mis-sens ta’ tmexxija tal-Lussemburgu. Il-Lussemburgu minn dejjem wera li l-ġeografija ma tillimitax il-viżjoni u t-tmexxija.

Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa għandha bżonn din il-viżjoni u din l-ambizzjoni komuni. Iċ-ċittadini li nirrappreżentaw huma ċari meta jitolbu Unjoni li tagħmel aktar biex tipproteġihom, li tkun aktar b’saħħitha, aktar sigura, aktar ġusta u aktar magħquda. Ewropa li taġixxi b’mod deċiżiv dwar kwistjonijiet li jagħmlu ħajjithom aħjar u anqas ikkumplikata. U proprju hekk se tagħmel, b’mod kollettiv.

Naf li qed nitkellem f’isem kulħadd preżenti meta ngħid li qiegħda nistenna b’interess kbir li nisma’ kif taħsibha inti dwar dawn l-isfidi xejn insinifikanti li għandna quddiema u dwar il-futur komuni Ewropew tagħna. Għalhekk, Prim Ministru Frieden, għażiż Luc, nagħtik il-kelma.