Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament huwa kontra l-vjolenza politika mingħajr eċċezzjoni. Hija qalet li l-Parlament jikkundanna l-vjolenza politika bl-aktar termini ċari, minn fejn isseħħ u minn kwalunkwe naħa ġejja.
Għeżież kollegi, Nixtieq insemmi suġġett li naf li ħalla impatt fuqna lkoll: qegħdin naraw żieda inkwetanti fil-vjolenza politika, imkebbsa mill-iperpolarizzazzjoni tas-soċjetajiet tagħna online u minn retorika tal-mibegħda li wasslet għal aggressjonijiet, attakki mmirati u, f’xi każijiet, omiċidji. Din il-Kamra tikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza politika, tkun fejn tkun u tiġi minn fejn tiġi. Dan il-Parlament jopponi mingħajr eċċezzjoni l-vjolenza politika u nixtieq nisħaq li kwalunkwe diverġenza politika trid tiġi solvuta fl-ambitu tad-dibattitu pubbliku, mingħajr qatt ma jsir rikors għal imġiba aggressiva jew vjolenza, u nistenna li lkoll kemm aħna, eletti f’din il-Kamra, inkunu l-aħjar eżempju ta’ dan. Il-politika tagħna trid tkun immexxija mit-tolleranza, politika li tifhem li mhux dejjem naqsmu l-istess fehmiet jew prospettivi ma’ xulxin, iżda li l-Ewropa tagħna jeħtiġilha tkun ikkaratterizzata mill-pluraliżmu u mid-dibattiti, u din il-Kamra hija eżempju kburi ta’ kif nistgħu nsolvu d-diverġenzi politiċi.