40 sena mid-diżastru ta’ Chernobyl, il-Parlament Ewropew fakkar fil-vittmi, il-komunitajiet milquta, u l-ġenerazzjonijiet li għadhom jgħixu bil-konsegwenzi tiegħu.
Għeżież kollegi, Il-Ħadd li għadda jkunu għaddew erbgħin sena minn mindu seħħ id-diżastru ta’ Chornobyl. Kien l-agħar inċident nukleari tal-istorja, u sar katastrofikament aktar gravi minn sistema li ma kinitx kapaċi tammetti l-verità. Miljuni ta’ nies ħallsu l-prezz billi tilfu saħħithom, darhom u, f’ħafna każijiet, ħajjithom. L-ebda pajjiż ma ħelisha. Il-prodotti tar-raba’ kienu kkontaminati, il-provvisti tal-ikel kienu limitati u l-komunitajiet kienu maħkumin mill-biża’. Ir-riperkussjonijiet ta’ Chornobyl – ambjentali, politiċi, umani – infirxu fost il-pajjiżi u l-ġenerazzjonijiet u għadhom jinħassu sal-ġurnata tal-lum. Dan id-diżastru jfakkarna li aħna marbutin ma’ xulxin aktar milli xi kultant nippreferu naħsbu. Huwa dmir tagħna, fil-konfront tal-vittmi ta’ Chornobyl u ta’ dawk li jiġu warajna, niżguraw li dan ma jerġa’ jiġri qatt aktar. Lill-komunitajiet li tilfu kollox u lill-ġenerazzjonijiet li għadhom sal-lum iġarrbu l-konsegwenzi, il-messaġġ tagħna huwa li l-Ewropa ma tinsiex u li l-Ewropa tieqaf magħkom.