Għaxar snin wara l-attakki terroristiċi fi Brussell, il-Parlament Ewropew onora lill-vittmi u reġa’ impenja ruħu fil-ġlieda kontra r-radikaliżmu, il-mibegħda u l-estremiżmu.
Il-Ħadd li għadda fakkarna l-għaxar anniversarju tal-attentati terroristiċi terribbli li ġraw fi Brussell fl-2016. Ġurnata ta’ vjolenza assurda li ħasdet ħajjet 32 persuna u kkawżat mijiet ta’ feruti oħra, fosthom membri tal-persunal tal-Parlament u ta’ istituzzjonijiet oħra. Kienet ġurnata li fiha n-nies ingħaqdu fin-niket, mument ta’ kuraġġ straordinarju li fih l-Ewropej ħadu ħsieb xulxin fl-agħar żminijiet. L-Ewropa wriet għal darb’oħra li l-umanità ħarġet rebbieħa fuq it-terrur, b’sens ta’ dinjità, reżiljenza u kuraġġ. F’dan ix-xahar fl-2004, it-terroristi kienu qatlu 193 ruħ fl-attentati ferrovjarji ta’ Madrid, filwaqt li bħal-bieraħ tmien snin ilu kien seħħ l-omiċidju ta’ Logutenent Kurunell tal-Ġendarmerija, Arnaud Beltrame, minn terrorist ispirat mill-ISIS fi Franza. Kull att terroristiku huwa attakk fuq l-istil ta’ ħajja tagħna. U f’dan il-mument ta’ luttu, il-Parlament jagħti ġieħ lill-vittmi u jġedded l-impenn tiegħu fil-ġlieda kontra r-radikaliżmu, il-mibegħda u l-estremiżmu. L-Ewropa mhi se tinsa qatt.