Matul is-sessjoni tal-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola onorat lil Amine Kessaci u l-kuraġġ tiegħu għall-ġlieda tiegħu kontra t-traffikar organizzat tad-droga fi Franza.
Nixtieq ukoll nieħu din l-opportunità biex nagħti ġieħ lil Amine Kessaci, żagħżugħ straordinarju u kuraġġuż li qiegħed jissogra ħajtu biex jiġġieled kontra t-traffikar organizzat tad-droga fi Franza. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, Mehdi, ħu Amine, li hu iżgħar minnu, ġie assassinat mill-gruppi tad-droga fil-belt ta’ Marsilja fejn jgħix. Minn fost ħutu, dan hu t-tieni li nqatel minħabba l-ħidma tiegħu. Fl-Unjoni tagħna m’hemmx post għall-vjolenza bħal din. U ċ-ċittadini Ewropej qegħdin isemmgħu leħinhom: is-Sibt li għadda, eluf ta’ nies fi Franza ngħaqdu b’turija ta’ appoġġ favur Amine u l-missjoni tiegħu kontra t-traffikar tad-droga. Naf li diversi kollegi li jinsabu hawn illum kienu preżenti, u nirringrazzjahom għall-isforzi tagħhom. Minkejja li Amine ġarrab traġedji li m’hemmx kliem għalihom, huwa jkompli jirrispondi għall-intimidazzjonijiet bl-azzjoni, billi jgħid lid-dinja: “Jien niftaħ ħalqi għax naf li l-għedewwa tagħna jistkennu fis-silenzju.” Bħala d-Dar tad-Demokrazija tal-Ewropa, dan il-Parlament jieqaf ma’ Amine fil-ġlieda tiegħu kontra l-kriminalità organizzata, eżatt kif aħna nieqfu ma’ Franza kollha hija u tibki l-assassinju ta’ Mehdi. Għalhekk, għeżież kollegi, nitlobkom tingħaqdu miegħi f’mument ta’ silenzju.