Il-Parlament jappoġġja lill-Moldova fit-triq tagħha Ewropea  

 

Il-Parlament jappoġġja lill-Moldova fit-triq tagħha Ewropea  

Strasburgu  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lill-President tal-Moldova Maia Sandu fil-Parlament Ewropew. Waqt li kienet qed tindirizza lid-Dar tad-Demokrazija, il-President Metsola qalet li l-Parlament jappoġġja lill-Moldova u lin-nies tagħha fit-triq Ewropea tal-pajjiż.

       

Għeżież kollegi,

Nirringrazzjakom talli lqajtu fostna b’tant entużjażmu lill-President tar-Repubblika tal-Moldova, Maia Sandu, li għal darb’oħra tinsab magħna llum.

Għażiża Maia, ilek żmien twil ħabiba stmata ta’ dan il-Parlament u huwa unur għalija nerġa’ nilqgħek fid-Dar tad-Demokrazija tal-Ewropa. Aħna lkoll impressjonati immens bid-determinazzjoni tiegħek, bil-kuraġġ tiegħek u bl-impenn sod tiegħek fil-konfront tal-poplu tal-Moldova. Il-ħidma bla heda tiegħek biex tiggwida lill-Moldova fit-triq tad-demokrazija u tal-integrazzjoni mal-Unjoni tagħna hija ispirazzjoni għalina lkoll u tixhed is-sens ta’ tmexxija tiegħek.

Hekk kif il-Moldova tagħmel il-passi li jmiss tagħha fil-perkors Ewropew tagħha, kun af, għażiża Maia, li dan il-Parlament b’konvinzjoni jieqaf miegħek u mal-Moldovani kollha fid-difiża tal-valuri Ewropej komuni tagħna tad-demokrazija, tal-paċi u tal-istat tad-dritt. Qegħdin inqawwu l-investimenti fil-futur tal-Moldova permezz tal-Faċilità tal-UE għall-Moldova, u nistennew b’ħerqa kbira li niftħu n-negozjati ta’ adeżjoni tal-Moldova. 

Dawn huma żminijiet diffiċli għall-Ewropa. Il-libertajiet li konna mingħalina kienu permanenti għaddejjin minn provi, id-diżinformazzjoni qed iddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fid-demokrazija u l-gwerra brutali tar-Russja għadha għaddejja fl-Ukrajna. Iżda l-Ewropa hija reżiljenti, u naf li lkoll flimkien se noħorġu aktar b’saħħitna u aktar magħqudin minn qabel. 

Ftit ġimgħat ilu, il-mexxejja Ewropej iltaqgħu f’Chișinău proprju biex jagħtu xhieda ta’ għaqda, u reġgħu affermaw l-appoġġ sod tal-Ewropa favur il-futur Ewropew tal-Moldova. U llum f’dan l-Emiċiklu, din il-Kamra terġa’ tieqaf miegħek, għażiża President Sandu, Maia, magħqudin fl-appoġġ tagħna favur ir-Repubblika tal-Moldova u l-perkors demokratiku tagħha lejn l-adeżjoni mal-Unjoni.

President, nagħtik il-kelma.