Fil-ftuħ tas-sessjoni plenarja fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rringrazzjat lill-pumpiera u lill-ħaddiema tas-servizzi ta’ emerġenza kuraġġużi li qasmu l-fruntieri u rriskjaw ħajjithom biex jgħinu lill-oħrajn matul il-mewġiet ta’ sħana estrema ta’ dan is-sajf.
Dan is-sajf, l-Ewropa għaddiet għal darb’oħra minn sensiela rekord ta’ mewġiet ta’ sħana. Fil-kontinent kollu, miljuni ta’ nies batew ħafna bis-sħana. Il-ħaddiema tal-isptarijiet tħabtu biex jipproteġu lill-pazjenti esposti għal temperaturi perikolużi fuq il-post tax-xogħol, u l-ġenituri ppruvaw ikennu lil uliedhom f’bini mhux adatt għal kundizzjonijiet daqshekk estremi. Sfortunatament, bosta eluf ta’ persuni fil-kontinent kollu tagħna tilfu ħajjithom. Lil hinn minn din it-telfa terribbli f’termini ta’ ħajjet in-nies, it-theddida doppja tas-sħana estrema u tan-nirien fis-selvaġġ qiegħdu fil-periklu lill-komunitajiet tagħna, għamlu ħsara lill-ekosistemi tagħna u swew biljuni għall-ekonomiji tagħna. Illum, hekk kif din il-Kamra tibki lil dawk li tilfu ħajjithom dan is-sajf, inħarsu lejn il-ġejjieni b’determinazzjoni. F’isem dan il-Parlament, nixtieq nirringrazzja lil dawk il-pumpiera kuraġġużi u lill-ħaddiema tal-emerġenza kollha li dan is-sajf qasmu l-fruntieri u ssugraw ħajjithom biex jgħinu lil ħaddieħor. Issa sta għalina, f’din il-Kamra, naħdmu flimkien ħalli, meta jinqala’ d-diżastru naturali li jmiss, inkunu ppreparati aħjar.