Il-Parlament jilqa' l-ispirazzjonijiet globali Sergey Tihanovski u Sviatlana Tsikhanouskaya  

 

Il-Parlament jilqa' l-ispirazzjonijiet globali Sergey Tihanovski u Sviatlana Tsikhanouskaya  

Strasburgu  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lil Sergey Tihanovski u Sviatlana Tsikhanouskaya tal-Belarus fil-Parlament Ewropew, li hija ddeskriviet bħala simbolu qawwi ta' reżiljenza u t-taqbida għal Belarus demokratika.

       

Għeżież kollegi,
 
Illum, magħna għandna lill-ħbieb tiegħi, Sergey Tihanovski u Sviatlana Tsikhanouskaya, ispirazzjoni għad-dinja kollha.
 
Għażiż Sergey, huwa unur u pjaċir għalija nilqgħek fostna wara ħames snin twal ta’ priġunerija brutali u inġusta min-naħa tar-reġim ta’ Lukashenka. Din il-Kamra ilha sa mill-bidu nett tagħmel appelli għall-ħelsien tiegħek, u huwa pjaċir kbir li qed narawk fl-aħħar liberat.
 
Għażiża Sviatlana, bħala ħabiba minn żmien twil ta’ din il-Kamra u bħala persuna li semmgħet leħinha kemm favur il-ħelsien ta’ Sergey kif ukoll għal-libertà tal-poplu tal-Belarussja, huwa unur għalija nerġa’ nilqgħek f’dan l-Emiċiklu.
 
Illum, għall-ewwel darba, it-tnejn li intom qegħdin hawn magħna fid-Dar tad-Demokrazija tal-Ewropa, mill-ġdid flimkien u lesti tkomplu l-ġlieda komuni tagħkom għal Belarussja libera. Nirringrazzja lit-tnejn li intom talli aċċettajtu li tindirizzaw lil din il-Kamra llum. L-istorja tagħkom hija storja Ewropea inkredibbli ta’ perseveranza u ta’ ġlieda għad-demokrazija, u din il-Kamra tfaħħar il-kuraġġ u l-qlubija tagħkom.
 
Ftit minuti ilu, ħabbart li Andrzej Poczobut mill-Belarussja u Mzia Amaglobeli mill-Georgia huma r-rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb ta’ din is-sena. Bħalek, għażiż Sergey, Andrzej ġie impriġunat fuq akkużi foloz u għadu traġikament il-ħabs. U bħala membri tal-oppożizzjoni demokratika tal-Belarussja li rbaħtu l-Premju Sakharov tal-2020, ċerta li t-tnejn tapprezzaw l-importanza ta’ dan il-Premju fir-rikonoxximent tal-ħidma ta’ Andrzej u tal-qagħda mwiegħra li jinsab fiha.
 
Illum, din il-Kamra tibgħat messaġġi ċari immens lil Andrzej Poczobut, lil dawk kollha li għadhom impriġunati krudelment u intortament mir-reġim ta’ Lukashenka, u lill-poplu kollu tal-Belarussja li għadu jittama u jissielet għal futur liberu u demokratiku: ir-rabtiet li jorbtu lilna l-Ewropej ma jistgħux jinħallu. L-Ewropa tifhem li l-era tad-dittaturi spiċċat.
 
F’dawn l-aħħar tliet snin, il-Membri ta’ din il-Kamra, ħafna minnkom hawn preżenti, bagħtu mijiet ta’ kartolini b’messaġġi ta’ tama u appoġġ lill-priġunieri politiċi tal-Belarussja. Lil Sergey ktibtlu waħda jiena stess. Is-sena l-oħra, din il-Kamra ffirmat ittra ta’ intenzjoni dwar il-kooperazzjoni mal-forzi demokratiċi tal-Belarussja li tqawwi l-kollaborazzjoni tagħna u tikkundanna l-atti tar-reġim ta’ Lukashenka. Issa, għeżież ħbieb u kollegi, jeħtiġilna nisfruttaw dan ir-ritmu u ninsistu fuq il-ħelsien ta’ aktar minn 1,200 priġunier politiku li għadhom il-ħabs. Kif tgħid inti, għażiża Sviatlana: “ma nistgħux nieqfu, għandna nkomplu naħdmu.”
 
Sergey, Sviatlana, ir-reżistenza soda u l-preżenza tagħkom hawn illum jixhdu l-fatt li l-ġlieda favur Belarussja libera u demokratika hija ħajja u b’saħħitha. L-Ewropa tieqaf magħkom, u se tkompli tappoġġja l-isforzi tagħkom. Viva l-Ewropa, u viva Belarussja libera.