Fil-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja, il-Parlament Ewropew appella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ Narges Mohammadi u Nasrin Sotoudeh.
Għeżież kollegi, Fiċ-ċpar tal-gwerra, u minkejja l-waqfien mill-ġlied, ir-reġim Iranjan għadu jwettaq eżekuzzjonijiet arbitrarji u jżomm f’detenzjoni lid-dissidenti. Narges Mohammadi, attivista għad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, reġgħet ġiet ikkundannata seba’ snin u nofs priġunerija fi Frar. Skont dak li ġie rapportat, issa tinsab f’kundizzjonijiet gravi wara li x-xahar li għadda qabadha attakk tal-qalb waqt li kienet il-ħabs. Nasrin Sotoudeh, avukata għad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Sakharov, dan l-aħħar ġiet arrestata f’Tehran. Żewġ nisa ta’ kuraġġ straordinarju, li taw kollox għall-kawża tal-ġustizzja u tad-dinjità umana u li jirrappreżentaw ir-rieda u r-reżistenza ta’ tant u tant nies fl-Iran. Nitolbu li jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet. Dan il-Parlament dejjem se jitkellem f’isem dawk li ġew imsikkta u se jkun pjattaforma għal min irid isemma’ leħnu. U m’aħniex se ndawru ħarsitna.