Fil-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew onora l-vittmi u dawk li salvaw mill-ġenoċidju ta’ Srebrenica. Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li wara kull isem u numru, hemm persuna u familja.
Għeżież kollegi,
Din il-ġimgħa jitfakkar it-30 anniversarju tal-ġenoċidju ta’ Srebrenica, meta nqatlu jew għebu eluf ta’ Musulmani Bożnijaċi u għexieren ta’ eluf aktar tkeċċew bil-forza mill-enklav. Traġikament, ħafna vittmi baqgħu ma ġewx identifikati.
Magħna llum għandna lil żewġ persuni li rnexxielhom jibqgħu ħajjin għall-massakru: Almasa Salihović u Almir Salihović. Almasa kellha tħalli lill-komunità tagħha u aktar tard biss saret taf li ħuha l-kbir, Abdulah, kien ġie ġustizzjat. U Almir dam sitt ijiem iterraq bla saħħa fil-foresta biex jaħrab mill-qtil. Almasa u Almir, nixtieq nirringrazzjakom talli tinsabu hawn. Tfakkruna li wara kull isem u wara kull numru, hemm persuna, hemm familja.
Din il-Kamra tagħti ġieħ lilkom u lil kull min irnexxielu jibqa’ ħaj, hekk kif inkomplu nżommu ħajjin il-memorji tal-vittmi. Skont il-kliem tat-talba ta’ Srebrenica li tingħad kull sena: “li dmugħ l-ommijiet isiru talba biex Srebrenica qatt ma terġa’ tiġri.”