Hi u tindirizza s-Sitt Summit Internazzjonali tal-Pjattaforma tal-Krimea fi New York, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li sakemm tinkiseb paċi ġusta u dejjiema, l-Ewropa se tibqa’ tappoġġja lill-Ukrajna permezz ta’ appoġġ politiku, ekonomiku, umanitarju u militari.
L-għodwa t-tajba lil kulħadd. Ippermettuli nibda b’sempliċi stat ta’ fatt: il-forza tista’ tagħtik il-pussess, imma ma tista’ qatt tagħtik il-jedd ta’ proprjetà. It-territorju li r-Russja okkupat temporanjament jibqa’, bi dritt, Ukren. L-ebda referendum illegali, l-ebda passaport impost u l-ebda elezzjoni farsa ma jistgħu jbiddlu dik ir-realtà. Ippermettuli nsemmi sempliċi stat ta’ fatt ieħor: l-aktar mod mgħaġġel biex din il-gwerra tintemm, biex tinstab triq li twassal għall-paċi u jinstab perkors lejn il-ġustizzja u d-dinjità, hu li r-Russja tmur lura għall-fruntieri tagħha rikonoxxuti f’livell internazzjonali. Dan kien jgħodd fl-2014; kien jgħodd fl-2022 u għadu jgħodd sal-ġurnata tal-lum. Qatt ma kellna dubji dwar il-kuraġġ u r-reżiljenza tal-Ukreni u nafu li kważi erba’ miljun Ukren u Ukrena jgħixu taħt okkupazzjoni. Huma vittmi ta’ repressjoni, detenzjonijiet arbitrarji, torturi, għajbien u vjolenzi. It-tfal jiġu deportati, riedukati u militarizzati. Id-detenuti ċivili u l-priġunieri tal-gwerra huma miżmuma f’kundizzjonijiet inaċċettabbli, filwaqt li t-Tatari tal-Krimea għadhom isofru vjolazzjonijiet sistematiċi u persekuzzjonijiet. Dan kollu biex ngħid li d-dimensjoni umana trid tibqa’ fil-qalba tal-ħidma tagħna. Għalhekk jiena partikolarment onorata li Mustafa Dzhemilev jinsab magħna llum. Ħajtek tfakkarna li r-repressjoni tista’ ddum snin sħaħ, iżda qatt ma tista’ tbiddel dak li hu ħażin f’xi ħaġa tajba. L-Unjoni Ewropea baqgħet tieqaf mal-Ukraina sa mill-bidu tal-aggressjoni Russa. U meta fl-2022 ir-Russja biddlet dik l-aggressjoni f’invażjoni fuq skala sħiħa, l-Ewropa rreaġixxiet b’saħansitra aktar determinazzjoni. U l-impenn tagħna jmur ferm lil hinn mill-kliem. L-Unjoni Ewropea tibqa’ wieħed mis-sostenituri prinċipali tal-Ukrajna billi tagħtiha assistenza politika, finanzjarja, ekonomika, umanitarja, diplomatika u militari. Dan ifisser, fost affarijiet oħra, li nkomplu neżerċitaw pressjoni fuq ir-Russja. L-Unjoni Ewropea s’issa adottat 21 pakkett ta’ sanzjonijiet, fosthom l-iffriżar tal-assi, il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ir-restrizzjonijiet kummerċjali u miżuri mmirati kontra l-magna tal-gwerra tar-Russja. U tistgħu tkunu ċerti li l-Parlament Ewropew se jkompli jinsisti biex jiħraxu r-restrizzjonijiet, jimpedixxi li dawn jiġu evitati u jagħlaq il-lakuni. Se nagħlaq billi nkellem direttament lil kull min jistaqsi lilu nnifsu għala l-Ewropa għadha tieqaf mal-Ukrajna. L-Unjoni Ewropea nbniet għall-paċi. Imma, kif jafu sew miljuni ta’ Ewropej li qattgħu għexieren ta’ snin wara l-Purtiera tal-Ħadid, paċi mingħajr libertà, dinjità u ġustizzja mhi paċi reali xejn. Għalhekk se nkomplu ninsistu għal dik il-paċi reali u se nkomplu nsusu fuq il-prinċipju ta’ “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”. President Zelenskyy, għażiż Volodymyr, konna mal-Ukrajna, aħna mal-Ukrajna u se nibqgħu mal-Ukrajna. Grazzi.