Hi u tilqa' lill-Prim Ministru tal-Portugall, Luís Montenegro, fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola esprimiet is-solidarjetà tal-Parlament ma’ dawk kollha milquta mid-diżastri naturali fil-Portugall u tat ġieħ lill-kuraġġ u lill-impenn tal-ħaddiema kollha tas-servizzi ta’ emerġenza.
Għeżież kollegi,
Magħna llum għandna lil Luís Montenegro, Prim Ministru tal-Portugall, fl-ambitu tas-sensiela ta’ dibattiti “Din hija l-Ewropa”.
Prim Ministru, għażiż Luís, merħba bik fil-Parlament Ewropew. Nirringrazzjak tal-preżenza tiegħek hawn.
Ippermettili nibda billi nesprimi s-solidarjetà tagħna ma’ kull min intlaqat mid-diżastri naturali fil-Portugall u billi nagħti ġieħ lill-ħaddiema tal-emerġenza kollha tal-kuraġġ u tal-impenn li wrew.
Dan is-sajf, minkejja li kienu qed jissieltu ma’ nirien fis-selvaġġ f’pajjiżhom stess, il-pumpiera Portugiżi qasmu l-fruntiera biex jintervjenu fin-nirien fl-Istati Membri ġirien. Huma jirrappreżentaw l-aqwa tal-Ewropa u ta’ dan nirringrazzjawhom.
Prim Ministru, din is-sena niċċelebraw erbgħin sena tal-adeżjoni tal-Portugall mal-Unjoni Ewropea. Erba’ deċennji ta’ inizjattivi u ta’ politiki mmexxija mill-Portugall, li matulhom il-Portugall sawwar l-Unjoni tagħna u l-Unjoni sawret il-Portugall.
Dan il-Parlament jaqsam miegħek l-ambizzjoni tiegħek ta’ Ewropa aktar kompetittiva, b’anqas burokrazija u aktar spazju għall-kumpaniji biex ikunu jistgħu jikbru, jespandu u joħolqu impjiegi. Miegħek naqsmu wkoll id-determinazzjoni tiegħek li ntejbu l-kollegamenti tal-enerġija bejn l-Istati Membri – naf li l-ħidma tiegħek fil-Peniżola Iberika tixhed dan. Is-sigurtà tal-enerġija tagħmel parti mill-istabbiltà internazzjonali u napprezzaw l-attenzjoni li tagħti lil dawn iż-żewġ aspetti, proprju meta l-Portugall qed iħejji ruħu biex jieħu postu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
M’hemmx xi ngħidu, biex nimplimentaw din l-aġenda hemm bżonn baġit kapaċi li jappoġġjaha. Għalhekk huwa daqshekk urġenti li jintlaħaq qbil dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Il-Parlament u l-Portugall għandhom ħafna affarijiet komuni bejniethom u, Prim Ministru, nafu li nistgħu norbtu fuqek biex taqdi rwol kostruttiv fin-negozjati li għandna quddiemna.
Xieraq li t-trattat li jiggwida lill-Unjoni tagħna jġib l-isem tal-belt kapitali tiegħek. Huwa minnu li l-Portugall jinsab fit-tarf nett tal-Punent tal-kontinent tagħna, iżda postu huwa proprju fil-qalba tal-proġett komuni tagħna. Hekk kif nieħdu l-passi li jmiss fil-vjaġġ Ewropew komuni tagħna, se jkollna bżonn insibu fina nfusna l-istess perseveranza u l-istess tenaċja bħall-Portugall. Dan hu l-mod kif inkomplu nibnuha l-Ewropa. Pass wara pass. Ġebla wara ġebla. Vot wara vot.
U f’dan ir-rigward se nikkwotakom, kif tgħidu intom: água mole em pedra dura, tanto bate até que fura.
Għalhekk, mingħajr ma ntawwal aktar, Prim Ministru, għażiż Luís, nagħtik il-kelma.