Filwaqt li laqgħet lill-Prim Ministru tad-Danimarka Mette Frederiksen biex tippreżenta l-prijoritajiet Daniżi fil-bidu tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li s-sigurtà u l-kompetittività għandhom jibqgħu fil-qofol tal-ħidma tagħna.
Prim Ministru Frederiksen, għażiża Mette, Għeżież kollegi,
Fl-1 ta’ Lulju d-Danimarka assumiet il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Illum ingħaqdet magħna l-Prim Ministru Mette Frederiksen biex tippreżentalna l-programm tal-Presidenza għax-xhur li ġejjin.
Prim Ministru, għażiża Mette, merħba bik fil-Parlament Ewropew.
Wara kważi sena minn mindu bdiet din il-leġiżlatura, il-Presidenza Daniża waslet f’mument deċiżiv.
F’dinja kkaratterizzata minn inċertezza, għandna bżonn Ewropa li tkun aktar b’saħħitha u aktar sigura. Dak ifisser li nerfgħu fuq spallejna r-responsabbiltà għas-sigurtà tagħna. Ifisser li nqawwu l-isforzi biex nindirizzaw il-migrazzjoni u naffrontaw il-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Ifisser nistimolaw l-industrija tad-difiża tagħna, li tant għandha bżonn, u nibqgħu nżommu sod fl-appoġġ tagħna lill-Ukrajna.
Nafu li Ewropa aktar sigura tiddependi wkoll minn ekonomija b’saħħitha u kompetittiva. F’din il-Kamra wettaqna riformi f’qasir żmien u qed nimxu ’l quddiem f’dik li hi l-aġenda tas-semplifikazzjoni tagħna, iżda jeħtieġ ukoll li nagħmlu użu sħiħ mis-suq uniku tagħna u, fuq kollox, niżblukkaw aktar kapital. Id-deċiżjonijiet iridu jissarrfu f’azzjoni minnufih. Ċerta li fid-dibattitu tagħna tal-lum, Prim Ministru, se tisma’ li l-kumpaniji għandhom bżonn riżorsi biex jikbru, u l-impriżi għandhom bżonn il-prevedibbiltà biex jagħmlu suċċess.
Id-Danimarka dan konxja tiegħu. Tifhmu li s-sigurtà tibda bil-forza, u l-forza tinbena permezz ta’ għażliet għaqlin. U intom tassew qegħdin tkunu eżempju ta’ dan.
Il-ġimgħa d-dieħla l-Kummissjoni se tippreżenta l-proposta tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Il-Presidenza Daniża se jkollha l-opportunità turi, għal darb’oħra, dak l-impenn.
Aħna hawn fil-Parlament lesti. Diġà qegħdin nistabbilixxu l-prijoritajiet tagħna f’riżoluzzjoni, u l-aspettattivi tagħna huma ċari. Il-baġit fit-tul tagħna jeħtieġ li jilqa’ għall-isfidi tal-lum, irid ikun strateġiku, irid ikun responsabbli u biżżejjed flessibbli biex jadatta ruħu.
Prim Ministru, il-motto tal-Presidenza Daniża huwa “Ewropa b’saħħitha f’dinja li qed tinbidel”. Motto li jiġbor fih eżatt dak li hemm bżonn u li din il-Kamra tapprezza ferm. Is-sigurtà u l-kompetittività jridu jibqgħu ż-żewġ muturi tal-ħidma tagħna. Aħna u nikkollaboraw biex nibnu Ewropa aktar b’saħħitha, aktar intelliġenti u aktar sigura, dan il-Parlament jinsab spalla ma’ spalla magħkom, bħala sieħeb u bħala ħabib.
Prim Ministru Frederiksen, għażiża Mette, nagħtik il-kelma.