Seba’ snin mill-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jibqa’ jinsisti għall-verità, għall-ġustizzja u għall-kontabbiltà.
Fis-16 ta’ Ottubru fakkarna s-seba’ anniversarju mill-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalista investigattiva Maltija li kixfet il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.
Dawk li kien mingħalihom li setgħu jsikktuha arralhom. Fil-fatt, xogħolha kebbes moviment li jidwi f’kull rokna fejn nimmiraw li jkollna Ewropa li tipproteġi lill-ġurnalisti, li tirrispetta l-istat li fih isaltan id-dritt.
Jiena grata li lil Daphne kont nafha mhux bħala ġurnalista biss iżda bħala mara li qadfet kontra l-kurrent, bħala omm li kienet kburija bl-irġiel li saru wliedha, bħala bint, mara miżżewġa u oħt, li riedet aktar minn pajjiżha. Għolliet l-istandards għalina lkoll li qegħdin fil-politika. Iżda fuq kollox, illum naħseb fil-mod kif għandna nżommu ħajja l-memorja ta’ Daphne. Kif il-Parlament Ewropew se jkompli jinsisti fuq il-verità, il-ġustizzja u l-obbligu ta’ rendikont.
Għalhekk il-Parlament Ewropew huwa kburi li qiegħed jospita r-raba’ edizzjoni tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-ġurnaliżmu ta’ eċċellenza. Naħtaf dan il-mument biex inħeġġiġkom tkunu preżenti għaċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni l-Erbgħa li ġej fis-Sala Stampa Daphne Caruana Galizia biex nonoraw il-kuraġġ ta’ dawk kollha li jkomplu jżommu ħaj il-wirt li ħallitilna.
Din il-Kamra tfakkar lil Daphne u tonora l-wirt li ħallitilna.