L-isport għandu jkun dwar it-tkabbir, il-parteċipazzjoni, u l-komunità - Il-President Metsola f'Milan  

 

L-isport għandu jkun dwar it-tkabbir, il-parteċipazzjoni, u l-komunità - Il-President Metsola f'Milan  

Milan  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet fl-Università Bocconi f'Milan, fejn ipparteċipat f'avveniment qabel l-Olimpjadi u l-Paralimpijadi tax-Xitwa li se jsiru fl-Italja s-sena d-dieħla.

       

Rettur, 
President tar-Reġjun tal-Lombardia, 
President tal-Kunsill Komunali ta’ Milan, 
President tal-Fondazione Milano-Cortina, 
President tal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan, 
President tal-Kumitat Paralimpiku Taljan, 
Kollegi, Membri tal-Parlament Ewropew, 
Atleti olimpjoniċi, paralimpjoniċi, ambaxxaturi sportivi, għeżież ħbieb,

Nixtieq nirringrazzja lir-Rettur talli qiegħed jilqagħna f’dan l-avveniment importanti f’post fejn jiltaqgħu t-talent, l-impenn u l-innovazzjoni, ilkoll valuri li jirriflettu l-ispirtu tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku.

Il-fatt li l-persuni jikbru b’passjoni u b’entużjażmu għall-isport jagħmel parti mill-ħajja. Meta kont għadni tifla kont inħobb il-ġiri, u kont saħansitra mingħalija li kont pjuttost brava, sakemm bdejt niġri...fit-tellieqa tal-politika. U hemm meta fhimt li forsi fil-politika kont naqra aħjar.

Sport ieħor li tant u tant inħobb huwa l-futbol. B’erba’ subien id-dar, fir-realtà, ma tantx għandi għażla.

Sena ilu, bħal ħafna minnkom, kull meta stajt segwejt il-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi. Dak kien is-simbolu tal-ħidma bla heda, tal-eċċellenza u ta’ meta jingħelbu l-ostakli impossibbli, mhux biss meta l-atleti kienu jitilgħu fuq il-podju jew meta kienu jirbħu l-midalji, iżda kull darba li l-atleti wrew impenn u stinkaw. Meta waqgħu u reġgħu qamu fuq saqajhom. Kull darba li żbaljaw u reġgħu ppruvaw.

Proprju hemm juru l-kobor tagħhom. U l-Logħob Olimpiku jgħallimna eżatt dan. Jurina l-importanza li nirsistu u nipperseveraw. Id-determinazzjoni soda li nagħmlu xi ħaġa dejjem aħjar, li nkunu l-aħjar li nistgħu nkunu.

Li kieku l-ħajja kellha motto, kien ikun dak.

Din hija l-attitudni “sal-aħħar nett” li nipprova ngħaddi lil uliedi f’dak kollu li jagħmlu. Il-motto skont liema ma għandek iċċedi qatt, il-mantra li l-persuni li bnew l-Ewropa tagħna dejjem żammew f’moħħhom: persuni li qatt ma ċedew, li baqgħu jaraw lil hinn mill-ostaklu. Huwa dan l-ispirtu tal-Ewropa tagħna. 

Fil-fatt, ġimagħtejn ilu, il-Parlament Ewropew stabbilixxa l-viżjoni tiegħu tal-Mudell Ewropew tal-Isport, qafas strateġiku li ma jirrigwardax biss il-kompetizzjonijiet, iżda l-kultura stess tal-isport fl-Ewropa. Mudell imsejjes fuq l-inklużjoni, id-diversità, l-ugwaljanza, it-trasparenza u l-integrità, li jisħaq fuq l-importanza ta’ prattiki sportivi etiċi u li juru rispett. Huwa impenn biex niżguraw li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għall-isport, u li fih nieħdu pożizzjoni magħquda kontra d-diskriminazzjoni, il-vjolenza u l-fastidju fil-forom kollha. 

Proprju f’dan l-ispirtu, nikkundanna bil-qawwa l-att kriminali inġustifikabbli li sar din il-ġimgħa fuq ix-xarabank tal-Pistoia Basket 2000, li kkawża l-mewt ta’ Raffaele Marianella, u nesprimi l-qrubija tiegħi lill-familja tiegħu, lill-klabb u lill-belt ta’ Pistoia.

L-impenn tagħna għal mudell sportiv Ewropew aċċessibbli jfisser li niftħu l-bibien lil kull min jixtieq jipprattika sport, ikunu xi jkunu l-abbiltajiet, l-età jew il-kuntest soċjali. 

Ifisser li niżguraw li kull tifel u kull tifla kif ukoll kull żagħżugħ u kull żagħżugħa jkollhom aċċess għal infrastrutturi sportivi adegwati, għal programmi ta’ edukazzjoni fiżika ta’ kwalità u għal opportunitajiet biex jikbru permezz tal-isport. L-isport ifisser għaqda, identità u kultura u jrid jiġi sostnut kemm f’livell lokali kif ukoll f’dak Komunitarju. U għandna ħafna, ħafna xogħol x’nagħmlu. 

U tistgħu sserrħu raskom li l-Parlament Ewropew se jsostni investimenti kbar fl-isport. U dan se nagħmluh flimkien, permezz ta’ djalogu kostanti bejn l-Istituzzjonijiet, l-Istati Membri u l-komunitajiet sportivi fl-Ewropa kollha. Għaliex il-ħidma f’tim mhijiex biss prinċipju tal-isport: hija l-qalba stess tal-Unjoni tagħna u tiggwida kull azzjoni tagħna.

Minn meta bdejt il-mandat tiegħi bħala President tal-Parlament Ewropew, kelli l-pjaċir u l-unur niltaqa’ ma’ atleti straordinarji, nisa u rġiel, minn kull dixxiplina: grupp ta’ atleti nisa li kienu qed jippreparaw ruħhom biex jipparteċipaw fil-Logħob Olimpiku, iċ-champions Taljani tal-Università Politeknika ta’ Turin, il-parteċipanti fil-Jum Special Olympics tal-Unjoni Ewropea u proprju din il-ġimgħa, il-Parlament Ewropew laqa’ fi Brussell id-delegazzjoni tal-Inter, dakinhar tal-partita tagħhom taċ-Champions League. U, mid-dehra, iż-żjara ġabitilhom ir-risq. L-atleti Taljani huma atleti tal-Ewropa.

Meta t-tim nazzjonali Taljan tal-volleyball tan-nisa rebaħ il-midalja tad-deheb, ilkoll kemm aħna qbiżna bil-ferħ. Erġajna qbiżna bil-ferħ meta t-tim Taljan tal-ġinnastika artistika tan-nisa kiseb il-midalja tal-fidda fil-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi, u ċapċapna lil Bebe Vio u liċ-champions kollha l-oħra. Huwa dan l-ispirtu tal-Ewropa. U għeżież ħbieb, liema post ieħor ikun aħjar biex naffermawh jekk mhux hawn?

Wara 20 sena, il-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa reġgħu lura l-Italja. Fl-Ewropa. U għall-ewwel darba se jsiru f’żewġ bliet, Milan u Cortina d’Ampezzo, u b’kompetizzjonijiet oħra li se jsiru ukoll f’reġjuni oħrajn. 

Nifraħ lil kull min għamel dan possibbli, lil min qiegħed hawn u lill-persuni kollha li ħadmu wara l-kwinti. Grazzi talli rrakkontajtulna wkoll l-istejjer, il-ħolm u dik il-viżjoni li nistgħu nwettqu għax l-eżempju tagħkom huwa eżempju perfett ta’ dak li l-ispirtu ta’ tim jista’ jwettaq. Nista’ biss nimmaġina kemm kellu jsir xogħol biex wasaltu s’hawn. 

Ma nistax nikkonkludi d-diskors tiegħi mingħajr ma nagħti ġieħ lill-bosta ambaxxaturi nisa tal-isport Taljan, atleti olimpjoniċi u paralimpjoniċi rappreżentati hawn illum minn:

•    Diana Bianchedi, skermitriċi professjonista u champion olimpika għal darbtejn fit-tim tal-fjurett;
•    Valentina Marchei, atleta tal-iskejting artistiku professjonista u atleta olimpika għal darbtejn;
•    Giulia Ghiretti, li rebħet tliet darbiet midalja paralimpika fl-għawm.

Dak li intom in-nisa tagħmlu huwa sempliċement straordinarju. 
U jeħtieġ ukoll infakkru: meta l-atleti tagħna jikkompetu, jirrappreżentaw ferm aktar minn bandiera. Iġorru magħhom il-valuri li jiddefinuna bħala Taljani u bħala Ewropej. 

Jinkarnaw il-paċi, ir-rispett u l-fair play, u juru lid-dinja li anki fil-kompetizzjoni l-aktar qawwija r-rispett jista’ joħroġ rebbieħ. Mhumiex biss ambaxxaturi tal-isport, iżda huma wkoll ambaxxaturi tal-paċi. U fid-dinja tal-lum, dan hu dak li l-aktar għandna bżonn. Issa, aktar minn qatt qabel.

Agħmlu l-Italja kburija bikom. Agħmlu l-Ewropa kburija bikom.

Ir-risq lil kulħadd!