Saħħa fl-għaqda - Il-President Metsola tilqa' lit-Taoiseach Martin fil-bidu tal-Presidenza Irlandiża  

 

Saħħa fl-għaqda - Il-President Metsola tilqa' lit-Taoiseach Martin fil-bidu tal-Presidenza Irlandiża  

Strasburgu  
 
 

Hi u tilqa' lit-Taoiseach tal-Irlanda Micheál Martin fil-Parlament Ewropew għal dibattitu dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-UE mal-MEPs, il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jkun sieħeb sod fit-twettiq tal-kompetittività u s-sigurtà.

       

Għeżież kollegi, 

Huwa pjaċir tiegħi nilqa’ fostna lit-Taoiseach tal-Irlanda, Micheál Martin, li ġie jippreżentalna l-programm tal-attivitajiet tal-Presidenza Irlandiża. 

Għażiż Micheál, merħba bik fil-Parlament Ewropew.  

Għal aktar minn 50 sena, l-ispirtu ta’ komunità, kooperazzjoni u kompromess tal-Irlanda mexxa ’l quddiem lill-Ewropa u sawwar il-mod kif inqisu lilna nfusna Ewropej.  U issa li l-Irlanda se tibda t-tmien Presidenza tagħha, naf li altru li lesta biex tiggwida lill-Ewropa lejn tragwardi dejjem aktar ambizzjużi. 

Deħlin f’perjodu ta’ sitt xhur kruċjali għall-kontinent tagħna. Hekk kif id-dinja ta’ madwarna ssir dejjem aktar inċerta, in-nies jitolbuna b’vuċi qawwija Unjoni aktar sikura, aktar b’saħħitha u aktar kunfidenti. Unjoni li żżomm sod fuq ix-xena dinjija u li, fl-istess ħin, taħdem fil-livell intern biex ittejjeb ħajjet in-nies b’mod reali u tanġibbli. 

Huwa proprju għalhekk li aħna, f’dan il-Parlament, naħdmu kuljum. U bi pjaċir nara li, bis-saħħa tat-tmexxija tiegħek u tal-enfasi li l-Presidenza tiegħek tagħti lill-kompetittività, lis-sigurtà u lill-valuri, qegħdin niġbdu l-istess ħabel. 

Ix-xhur li ġejjin se jkunu għalina opportunità biex naġixxu flimkien fuq ċerti fajls trasformattivi u niksbu l-progress li ċ-ċittadini jistennew mingħandna. Inqawwu l-koeżjoni fl-Unjoni tagħna, ngħinu lill-impriżi jikbru u nappoġġjaw lill-alleati tagħna filwaqt li nsaħħu s-sigurtà tagħna. Fil-frattemp, in-negozjati dwar il-baġit pluriennali li jmiss se jiddeterminaw kemm aħna lesti għas-seba’ snin li ġejjin.

Quddiem dawn l-isfidi kollha, l-Irlanda tista’ tkompli torbot fuq ir-rieda tajba u fuq l-appoġġ ta’ dan il-Parlament. Bħal dejjem, huma l-Irlandiżi li laqtu l-musmar fuq rasu meta jgħidu: Ní neart go cur le chéile. Fl-unità hemm is-saħħa. Dan hu l-istil Ewropew tagħna, u jrid ikompli jiggwidana lkoll fix-xhur li ġejjin. 

Għażiż Taoiseach, naf li lkoll kemm aħna qed nistennew b’interess nisimgħuk titkellem. Għalhekk, mingħajr ma ddum aktar, nagħtik il-kelma.