L-aqwa tal-Ewropa  

 

L-aqwa tal-Ewropa  

Strasburgu  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa tappoġġja lil dawk in-nies li qed isofru u lil dawk li għadhom qed jiġġieldu n-nirien hekk kif l-Ewropa qed tiffaċċja l-agħar staġun ta’ nirien selvaġġi rreġistrat.

       

Bħalissa l-Ewropa qed tħabbat wiċċha mal-agħar staġun ta’ nirien fis-selvaġġ minn meta bdew jiġu rreġistrati. Mill-anqas tmien persuni mietu u, biss biss din is-sena, inħarqu aktar minn miljun ettaru art. Naf li ħsibijietna kollha jmorru lil dawk li nqalbitilhom ħajjithom ta’ taħt fuq għal dejjem kaġun ta’ dawk il-ġrajjiet tal-waħx, b’mod partikolari fil-Portugall u fi Spanja fejn ġrat il-biċċa l-kbira ta’ din il-qerda. 

Nindirizza lil dawk kollha li qed ibatu u lil dawk li għadhom jissieltu kontra n-nirien: l-Ewropa tieqaf magħkom. L-Unjoni Ewropea qiegħdet għad-dispożizzjoni kważi 650 pumpier fl-Ewropa tan-Nofsinhar kollha, lesti jaħdmu spalla ma’ spalla mas-servizzi lokali li jwieġbu għall-emerġenzi biex jipproteġu lill-komunitajiet. Bgħattna wkoll aktar minn 20 inġenju tal-ajru għat-tifi tan-nar biex jitfu n-nirien fil-kontinent kollu. Rajna lin-nies jaqsmu l-fruntieri biex biex jipproteġu lill-ġirien tagħhom. Din hija s-solidarjetà Ewropea fl-azzjoni u, fl-agħar mumenti tal-prova, iċ-ċittadini tagħna raw l-Ewropa fl-aqwa tagħha.