Hi u tilqa’ lir-rebbieħ tal-Premju Sakharov Andrzej Poczobuk fil-Parlament Ewropew, il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew mhux se jieqaf sakemm il-priġunieri politiċi kollha jinħelsu.
Għażiż Andrzej, Fl-aħħar hawn qiegħed. Ilna snin sħaħ nistennewh dan il-mument. Ittamajna, tlabna u ħdimna biex tinħeles. Hija tassew xi ħaġa sabiħa narawk hawn, f’din il-Kamra, fost ħbiebek. Nhar it-Tlieta 28 ta’ April id-dinja ħadet ir-ruħ meta rat l-ewwel ritratti. Wara 1,860 jum misruq, aktar minn ħames snin minn ħajtek, int u erba’ priġunieri politiċi oħra qsamtu l-fruntiera lejn it-territorju Pollakk. Qawwijin u sħaħ. Liberi wara dan iż-żmien kollu. Dakinhar inti għedt li ħassejt tliet emozzjonijiet: ferħ, ferħ u ferħ. Andrzej, aħna wkoll. Ġejt arrestat għax għedt il-verità. Għax iddefendejt lill-komunità tiegħek. Għax ma ridtx iċċedi. Xahar wara l-ieħor, sena wara l-oħra, ir-reġim ta’ Lukashenko minn kollox ipprova biex ikissrek, iżda ma rnexxilux. F’dawn is-snin kollha, qatt ma waqaft tiġġieled għal-libertajiet li din il-Kamra tiddefendi. Għalhekk il-Parlament tak il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, li taqsam mal-ġurnalista tal-Georgia Mzia Amaglobeli, li għadha l-ħabs u li tibqa’ fi ħsibijietna. Għaliex l-istorja tiegħek, Andrzej, mhijiex l-istorja kollha. Aħna u nitkellmu, bosta ġurnalisti u priġunieri politiċi oħra għadhom maqfulin. Is-sena l-oħra, il-Membri ta’ din il-Kamra bagħtu aktar minn 900 kartolina lill-priġunieri politiċi fl-Belarussja. Fakkarniehom disa’ mitt darba li mhumiex waħedhom. Illum, għalhekk, minn din il-Kamra nibagħtu messaġġ tant qawwi li jinstema’ lil hinn mill-ħitan ta’ kull ċella fil-Belarussja, fil-Georgia u f’kull pajjiż fejn il-verità tinħonoq: ma nsejnikomx. L-Ewropa tieqaf magħkom. U m’aħniex se nieqfu sakemm kull wieħed u waħda minnkom, sal-aħħar persuna, tkunu ħielsa. Andrzej, issa huwa unur kbir għalija li nagħtik il-kelma.