Il-Parlament Ewropew dejjem se jkun vuċi għan-nisa kullimkien  

 

Il-Parlament Ewropew dejjem se jkun vuċi għan-nisa kullimkien  

Strasbourg  
 
 

Hi u tilqa' lil Jackie Fox fil-Parlament Ewropew biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew dejjem se jkun vuċi għan-nisa kullimkien.

       

Għeżież kollegi,

Huwa unur għalija nilqa’ f’din il-Kamra lil Jackie Fox fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara. Jackie, grazzi talli qiegħda magħna llum. Grazzi tal-kuraġġ tiegħek u tal-ispirazzjoni li tagħtina.

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, nixtieq nitkellem dwar il-kuraġġ, u dwar l-eroini mhux iċċelebrati li d-determinazzjoni tagħhom qiegħda tbiddel id-dinja tagħna fis-skiet u, xi kultant, permezz ta’ ċirkostanzi tant koroh.

Jackie, inti waħda minn dawk l-eroini tal-Ewropa.

Il-biċċa l-kbira minna bilkemm tista’ timmaġina xi jfisser meta titlef lil bintek. Iżda dak li mbagħad għażilt li tagħmel b’dak in-niket – tqum fuq saqajk, issemma’ leħnek u tiġġieled – sabiex l-ebda familja oħra ma jkollha qatt tgħaddi minn dak li kellha tgħaddi minnu familtek, dak hu eroiżmu.

Ir-riżultat huwa l-liġi Coco, imsemmija għal Nicole, li tistabbilixxi li l-abbuż online u l-kondiviżjoni ta’ ritratti intimi mingħajr kunsens jikkwalifikaw bħala reat. Minn mindu daħlet fis-seħħ fl-Irlanda fl-2021, saru aktar minn 200 prosekuzzjoni u issa qiegħda tkun ta’ ispirazzjoni għall-Istati Membri l-oħra bħala mudell possibbli għall-Ewropa kollha.

Jackie, meta tħares lejn din il-Kamra, kun af li hawn dejjem se ssib alleat. Madwar żagħżugħ jew żagħżugħa minn tlieta fl-UE ġarrbu bullying fuq l-internet u nafu li dan il-fenomenu jolqot b’mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet. Għalhekk il-Parlament adotta l-ewwel direttiva li qatt kien hemm fl-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, b’dispożizzjonijiet qawwija kontra l-agħar forom ta’ abbuż online.

L-abbużi online jmermru proprju n-nisġa tal-ħajja pubblika tagħna, ibarru lin-nisa mill-konverżazzjonijiet li jsawru s-soċjetajiet tagħna. It-theddid, il-fastidju, il-pressjonijiet ma jaqtgħu qatt, din il-Kamra tafhom sew. Iżda meta n-nisa jitbiegħdu mill-ħajja pubblika, l-Ewropa kollha titlef. Din hi r-raġuni għala l-Parlament ivvota favur l-introduzzjoni tal-vot bi prokura, u neħħa ostaklu li għal wisq żmien ġiegħel lill-Membri tqal u lill-Membri li għadhom kemm saru ommijiet jagħżlu bejn familthom u l-mandat tagħhom. Imma nafu wkoll li għad hemm ħafna xi jsir, ferm aktar.

Din il-Kamra dejjem se tkun vuċi tan-nisa kullimkien. U llum nixtieq insemmi b’mod partikolari lin-nisa kuraġġużi tal-Iran, li qamu kontra wieħed mill-aktar reġimi repressivi fid-dinja, armati biss bil-konvinzjoni soda tagħhom li jistħoqqilhom jgħixu liberament, mingħajr biża’ u f’kundizzjonijiet pariġġ. L-isfida tagħhom kkommoviet lid-dinja sħiħa u, f’dawn il-ġimgħat drammatiċi, inżommuhom fi ħsibijietna u ninsabu spalla ma’ spalla magħhom.

Lilek, għażiża Jackie, se nkomplu nsemmu isem Coco: il-kuraġġ tal-familja tiegħek mhuwiex inviżibbli. Dan il-Parlament jarakom. Aħna magħkom.