Hi u tindirizza s-Sessjoni Plenarja, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-miżuri mhedda mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti mhux se jgħinu biex titjieb is-sigurtà fl-Artiku.
Kollegi, F’dawn l-aħħar jiem rajna wkoll pressjoni akbar eżerċitata fuq id-Danimarka u Greenland. Dan se jkun is-suġġett ta’ dibattitu aktar tard din il-ġimgħa, iżda huwa importanti li ngħid dan li ġej: l-Unjoni Ewropea tappoġġja lid-Danimarka u lill-poplu ta’ Greenland. Dan nagħmluh b’sens ta’ għaqda fid-determinazzjoni tagħna. Il-miżuri li l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti heddet bihom matul tmiem il-ġimgħa mhumiex se jgħinu biex is-sigurtà fl-Artiku titjieb. Anzi, jirriskjaw li jagħmlu bil-maqlub. Kemm Greenland kif ukoll id-Danimarka għamluha ċara li Greenland mhijiex għall-bejgħ u s-sovranità u l-integrità territorjali tagħhom jeħtieġ li jiġu rispettati. Dak il-fatt mhux se jinbidel. Meta ftit xhur ilu biss ilqajna fostna lill-Prim Ministru ta’ Greenland f’din il-Kamra, konna għednielu li meta l-poplu ta’ Greenland iħares lejn l-Ewropa se jsib Ewropa li tifhmu u li hija sieħba tiegħu. Dan intennih illum ukoll. Għaliex, ħbieb tiegħi, naf li ħafna minnkom hawn preżenti jemmnu fir-relazzjoni trans-Atlanika, fis-sħubija tagħna mal-Istati Uniti. Naf li ħafna nies fl-Istati Uniti wkoll jemmnu fiha. Nifhmu l-ħtieġa li l-Ewropa terfa’ aktar responsabbiltà f’dawk li huma difiża u sigurtà, anki billi tagħmel aktar biex tipproteġi lill-Artiku u, minħabba f’hekk, żidna l-miżuri u l-infiq marbuta mad-difiża. Nafu li s-sigurtà trans-Atlantika u Artika tista’ assolutament tintlaħaq mingħajr l-impatt destabbilizzanti li jiġi mill-fatt li s-sovranità ta’ Greenland u tad-Danimarka jiġu kkontestati, jew permezz ta’ miżuri bħad-dazji. Nafu li kull kwistjoni globali serja li jkollna nindirizzaw tiġi affrontata aħjar meta l-Ewropa u l-Istati Uniti jaġixxu f’sintonija ma’ xulxin. Kull wieħed bil-mod tiegħu, anki meta ma naqblux bejnietna, iżda ggwidati mill-valuri, mil-libertajiet u mill-prinċipji li dejjem se jiddefinixxu r-relazzjoni tagħna u li joffru stabbiltà, kif ukoll ankrati fihom. L-Ewropa dejjem se tkun miftuħa biex tkompli tiddiskuti fi spirtu ta’ rispett reċiproku. Issa, naf li l-mod ta’ determinazzjoni kalma, ta’ moderazzjoni u ta’ djalogu tagħna wħud se jifhmuh bħala dgħufija. Għandhom żball. Huwa l-oppost. Aħna l-Ewropa: dejjem se naqbżu għall-mod li bih nagħmlu l-affarijiet, mod razzjonali, kunfidenti u deliberat, u m’aħniex se nitolbu skuża ta’ dan.