Dan huwa l-mument biex l-Ewropa tilħaq l-aspettattivi tan-nies  

 

Dan huwa l-mument biex l-Ewropa tilħaq l-aspettattivi tan-nies  

Strasburgu  
 
 

Fil-ftuħ tad-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-President Metsola qalet li llum għandna niddeċiedu x’tip ta’ Ewropa rridu u li nsibu l-kuraġġ biex nibnuha.

       

Għeżież kollegi,
President von der Leyen,
 
Ippermettuli nilqa’ fostna lill-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney – nirringrazzjak talli tinsab hawn magħna, qed nistennew b’interess li nisimgħuk għada. 
 
Illum huwa l-mument li fih naraw b’onestà s-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Ewropa. Li fih niddeċiedu x’tip ta’ Ewropa rridu. U li fih insibu l-kuraġġ biex nibnuha.
 
L-Unjoni tagħna dejjem imxiet ’il quddiem bis-saħħa ta’ dawk li kienu disposti jagħmlu qabża kuraġġuża meta s-sitwazzjoni kienet tirrikjedi, u biddlu l-inċertezza f’opportunità.
 
Iċ-ċittadini jistennew Unjoni li tagħmel aktar biex tipproteġihom, biex tappoġġjahom u biex tiddefendi l-interessi tagħhom. Iridu tweġibiet dwar sigurtà, kompetittività, akkomodazzjoni bi prezzijiet aċċessibbli, impjiegi ta’ kwalità, klima u fruntieri.
 
Iriduna niddefendu Ewropa tal-valuri, Ewropa li tkun dawl fid-dinja, mingħajr ma toqgħod nitlob skuża, Ewropa fejn tkun tiflaħ tħallas il-kontijiet, tespandi l-istart-up tiegħek, tgħix fil-libertà, tħobb lil min tixtieq tħobb u tkun dak li tixtieq tkun. Fejn il-ġurnalisti jkunu liberi li jiktbu. Fejn il-ġustizzja u l-istat tad-dritt ikunu elementi li jikkaratterizzaw il-mod kif naġixxu.
 
Iridu kontinent aktar kapaċi li jiddefendi ruħu, li jkun spalla ma’ spalla mal-Ukrajna u li jiggarantilhom is-sigurtà, kemm online kif ukoll offline. U jridu Ewropa li b’wiċċha minn quddiem tkun taf tieħu ħsieb tagħha nnifisha, li tibqa’ miftuħa u tagħmel kummerċ mad-dinja mingħajr qatt ma tkun inġenwa f’dan ir-rigward.
 
Kollegi, ejjew nagħmlu mod li dan id-dibattitu ta’ dalgħodu u l-jumejn li ġejjin ikunu okkażjoni biex naraw is-sitwazzjoni fejn ninsabu bħalissa, biex inħarsu b’ambizzjoni lejn il-futur u biex nikkonċentraw fuq ir-riżultati.
 
President von der Leyen, għażiża Ursula, nagħtik il-kelma.