Wasal iż-żmien li nġeddu l-impenn tagħna lejn il-multilateraliżmu bħala forza għat-tajjeb fid-dinja  

 

Wasal iż-żmien li nġeddu l-impenn tagħna lejn il-multilateraliżmu bħala forza għat-tajjeb fid-dinja  

Strasburgu  
 
 

Hi u tilqa' lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Annalena Baerbock fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-President Roberta Metsola qalet li dan huwa mument biex inġeddu l-impenn tagħna lejn il-multilateraliżmu bħala forza għat-tajjeb fid-dinja.

       

Għeżież kollegi,
 
Huwa tassew pjaċir nilqa’ f’din il-Kamra lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Annalena Baerbock.
 
Għal għexieren ta’ snin il-multilateraliżmu inkarna n-Nazzjonijiet Uniti, għen biex miljuni ta’ nies ħarġu mill-faqar, ipproteġa lit-tfal u lil dawk l-aktar vulnerabbli u salva l-ħajja ta’ tant u tant nies. Kiseb riżultati li l-ebda pajjiż qatt seta’ jikseb waħdu. Dan ma ngħiduhx biżżejjed.
 
Tmenin sena wara li twaqqfu n-Nazzjonijiet Uniti, ninsabu f’mument li fih inġeddu l-impenn tagħna favur il-multilateraliżmu bħala forza għall-ġid tad-dinja, forza li żżommna aktar sikuri, aktar liberi u aħjar milli konna. F’dinja kkaratterizzata minn aktar inċertezza, jeħtieġ li nirduppjaw l-impenn tagħna biex il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn in-nazzjonijiet jiksbu riżultati aħjar mill-konfront.
 
Dak ifisser li nerfgħu r-responsabbiltà, li nkunu lesti nagħmlu r-riformi u li jkollna l-kuraġġ naġixxu flimkien, anki meta jkun diffiċli.
 
Il-Parlament Ewropew inbena fuq il-konvinzjoni li l-kooperazzjoni hija l-aqwa forza tagħna. U din il-konvinzjoni għadha tiggwida l-ħidma tagħna.
 
President Baerbock, għażiża Annalena, meta n-Nazzjonijiet Uniti jħarsu lejn din il-Kamra, se jsibu sieħeb iddeterminat biex nimxu ’l quddiem flimkien.