Hi u tilqa' lill-Prim Ministru tal-Kanada Mark Carney fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-President Roberta Metsola qalet li hemm potenzjal għal kooperazzjoni aħjar fuq ħafna livelli differenti, mid-difiża u l-kummerċ sal-enerġija, l-edukazzjoni u r-riċerka.
Għeżież kollegi,
Illum nilqgħu fostna fil-Parlament tagħna lill-Prim Ministru tal-Kanada, Mark Carney. Għażiż Mark, nirringrazzjak talli qiegħed magħna hawn illum.
Il-ħbiberija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada għandha għeruqha fil-valuri u fil-viżjoni komuni tagħna. Tissejjes fuq l-istess prinċipju li għaqqad il-Kanadiżi fl-1867 u l-Ewropej fl-1951: li dejjem inkunu aktar b’saħħitna meta naħdmu flimkien.
Is-sħubija tagħna tibqa’ teżisti maż-żmien. Hija bbażata fuq l-istejjer tal-popli tagħna. Ħafna minn dawk li għenu biex jinbena n-nazzjon tiegħek kienu Ewropej li kienu qed ifittxu ħajja aħjar. U fl-aktar mumenti koroh tal-kontinent tagħna, il-Kanadiżi kienu hemm għalina.
Fl-1914, meta l-gwerra farrket il-kontinent tagħna, il-Kanadiżi ġġieldu spalla ma’ spalla magħna fil-trunċieri mimlijin tajn ta’ Ypres, tas-Somme u ta’ Passchendaele. Fuq l-għolja ta’ Vimy, mgħassa mill-mafkar nazzjonali tagħkom, rokna tal-Ewropa se tibqa’ għal dejjem Kanadiża.
Ġenerazzjoni wara, fl-1944, il-ġuvintur tagħkom reġgħu ġew jgħinuna, u żbarkaw fuq il-bajjiet tan-Normandija flimkien mal-Ingliżi u mal-Amerikani biex jgħinu ħalli l-Ewropa tiġi liberata mill-Faxxiżmu. Dakinhar, il-forzi Kanadiżi komplew deħlin ’il ġewwa aktar minn kwalunkwe forza oħra u, fi wħud mill-ġlidiet l-aktar imdemmija tal-gwerra, ġarrbu telfiet qawwija, iżda baqgħu jikkumbattu. Dan jiġbor fih perfettament l-ispirtu kuraġġuż tal-Kanadiżi. L-Ewropa se tkun dejjem grata għas-sagrifiċċju ta’ dawk kollha li kienu magħna u li ddefendew il-libertà u d-demokrazija. Aħna m’aħna se ninsew qatt.
U huwa b’dak l-ispirtu, u bil-piż ta’ dik l-istorja, li llum inħarsu lejn il-futur flimkien. Dak li tħabbar ilbieraħ, li jiftaħ il-bieb biex l-alleanza tagħna tissaħħaħ, jirrappreżenta pass pożittiv enormi ’l quddiem. Fil-fatt joffri potenzjal għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib dwar il-kwistjonijiet li huma għal qalb in-nies, il-familji u l-industrija fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Jeżisti l-potenzjal għal kooperazzjoni aqwa fuq tant u tant livelli differenti, mid-difiża u l-kummerċ sal-enerġija, l-edukazzjoni u r-riċerka.
Flimkien nistgħu niftħu prospettivi ġodda u eċċitanti u, fl-aħħar mill-aħħar, intejbu ħajjet in-nies. Illum ilħaqna tragward fundamentali ieħor fil-perkors komuni tagħna. Il-preżenza tiegħek hawn ma setgħetx tkun aktar sinifikanti.
Naf li lkoll kemm aħna qed nistennew b’interess nisimgħuk titkellem. Għalhekk, mingħajr ma ntawwal aktar, Prim Ministru, għażiż Mark, nerġa’ nirringrazzjak talli qiegħed magħna hawn u nagħtik il-kelma.